Lokali

Il-Malta Public Transport tirtira r-rosters tax-xufiera wara rabja kbira

Il-Malta Public Transport irtirat rosters li kienet ħarġet għax-xufiera tat-trasport pubbliku u li fost l-oħrajn kienu jinkludu rosters ta’ sitt sigħat sewqan, deskritti minn uħud mix-xufiera li tkellmu magħna bħala inumani.

Jidher li r-rosters li tqassmu lanqas biss kienu jaqblu ma’ ftehim li sar bejn il-kumpanija u l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u li fl-aħħar jiem iltaqgħu biex jiddiskutu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Malta Public Transport.

Filfatt, malli bdew jitqassmu r-rosters ġodda qamet rabja fost il-ħaddiema, li ħassewhom traduti u kien hawn li l-unions insistew li dawn ir-rosters ma jibqgħux jitmassmu u jiġu revokati.

Filfatt it-tqassim ta’ dawn ir-rosters wassal biex il-General Workers’ Union ħarġet direttiva lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport biex ma jaċċettaw l-ebda karti tar-rosters sakemm ikunu infurmati mod ieħor mill-istess Union.

L-istess Union ħarġet direttiva oħra, din id-darba lix-shopstewards tagħha fil-Malta Public Transport biex jiġbru dawn ir-rosters, kif fil-fatt qed jiġri.

Dwar dan il-każ il-GWU talbet laqgħa urġenti mal-kumpanija, u fi stqarrija l-istess union qalet li tittama li din issir fil-ġranet li ġejjin.