Internazzjonali

Il-qerda f’Palmyra ‘maqbuda minn satellita’

Sistema tas-satellita li qed jużaw il-Franċiżi rnexxielha taqbad ritratti u grafika tat-Tempju ta’ Baalshamin, fil-belt antik ta’ Palmyra, u li għadha kemm inqerdet mill-militanti tal-ISIS fis-Sirja.

L-ISIS użaw l-isplussivi biex itajjru dan it-tempju li kien imur lura għall-Ewwel Seklu wara Kristu u li kien meqjus bħala parti mill-patrimonju dinji.

Ir-ritratti ‘ta’ qabel il-qerda’ nkisbu mis-sistema ta’ Pleiades (li tosserva lid-dinja) fit-22 ta’ Mejju, bir-ritratti u l-grafika ‘ta’ wara l-qerda tat-tempju’ jkunu ċċirkolati wara l-25 ta’ Awwissu. Avolja hemm biss xi differenzi żgħar fil-grafika rispettiva, jidher ċar li t-tempju, illum, m’għadux jeżisti.

Is-sistema ta’ Pleiades qed titmexxa mill-Airbus Defence and Space, bl-aġenzija Unitar (għal taħriġ u riċerka) tan-Nazzjonijiet Uniti ssostni li s-sistema tas-satellita tagħha wkoll ikkonfermat il-qerda tat-Tempju ta’ Baalshamin.

Il-militanti tal-ISIS ħatfu l-kontroll ta’ Palmyra f’Mejju li għadda fost l-inkwiet dwar ‘id-destin’ tal-belt antika li l-UNESCO ddikjaratha bħala parti mill-wirt tal-bniedem. L-ISIS, qabel, kienu farrku u qerdu numru ta’ monumenti storiċi u antiki fl-Iraq.

Intant, l-UNESCO fissret il-qerda sfaċċata tal-wirt kulturali tas-Sirja bħala delitt tal-gwerra.