Lokali

Il-UĦM titlob aktar laqgħat mal-Ministru Michael Farrugia

Is-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) Josef Vella qed jistieden lill-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia biex jikkonsulta ma’ kulħadd. L-appell ta’ Vella sar fi stqarrija, li fiha l-UĦM fakkret fid-diversi lmenti li rċeviet mingħand numru ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt il-portafoll politiku ta’ Farrugia.

Josef Vella enfasizza li proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun wieħed li jinkludi lill-ħaddiema kollha, bil-UĦM tinnota b’sodisfazzjon li fl-aħħar żviliuppi li saru l-Ġimgħa waranofsinhar, il-ħaddiema kollha ġew mistiedna għal laqgħat li se jsiru it-Tnejn, 31 ta’ Awwissu u l-għada t-Tlieta.

Fl-istqarrija, il-UĦM enfasizzat li l-ħaddiema se jkunu qed jisimgħu l-viżjoni tal-Ministeru f’dawn il-laqgħat biex ikollhom parti aktar wiesgħa mill-konsultazzjoni fir-riforma meħtieġa.

Filwaqt li qalet li se tkun tista’ tagħti r-reazzjoni tagħha wara li tkun ikkonsultat mal-membri tagħha, il-UĦM qalet li l-ħaddiema huma dispjaċuti u urtati b’dak li ħareġ minn intervista li saret lill-Ministru Farrugia fil-media minħabba li ngħatat l-impressjoni li l-ħaddiema ma joħorġux ‘il barra mill-Uffiċċju u ma jaħdmux mal-familji.

Il-UĦM fakkret li ristrutturar bħal dan iġib bidla fis-sistemi u fil-proċeduri għax l-attitudni u l-entużjażmu fil-qasam soċjali diġà qegħdin hemm.