Illum jibda l-proċess biex il-koppja Ineż u Henry Casolani jkunu beatifikati, hekk kif waqt quddiesa li se ssir illejla, se ssir talba lill-Arċisqof ta’ Malta biex jitwaqqaf tribunal li se jisma’ l-kawżi għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizazzjoni ta’ Henry Casolani u martu Ineż Casolani.
Il-koppja Casolani kienet magħrufa għall-qdusija tagħha u l-ħajja twajba li kienet tgħix.
Waqt il-quddiesa li se tkun iċċelebrata llejla fil-Knisja ta’ San Duminku r-Rabat, il-Postulatur taż-żewġ kawżi Etienne Sciberras, se jagħmel talba uffiċjali lill-Arċisqof biex jitwaqqaf dan it-tribunal.
B’kollox se jkunu preżentati 180 persuna li jistgħu jidhru quddiem it-Tribunal biex jagħtu x-xhieda tagħhom, kif ukoll 60 dikjarazzjoni bil-ġurament ta’ persuni li laħqu mietu.
Dan hu l-ewwel każ ta’ koppja miżżewġa li se jiġi studjat. Il-kawżi tagħhom se jkunu qed jiġu studjati ftit qabel is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, li sejjaħ il-Papa Franġisku u li mistenni jibda f’Ottubru li ġej.
Henry u Ineż Casolani
Ineż Casolani għexet bejn l-1915 u l-1992 u kienet magħrufa għall-qdusija kbira tagħha. Kienet iżżur il-morda fl-isptarijiet u kienet magħrufa wkoll għal faraġ li kienet toffri lil kull min kien ikun għaddej minn xi tbatija f’ħajtu.
Henry Casolani min-naħa tiegħu kien magħruf għar-rispett lejn il-proxxmu fejn jingħad li f’ħajtu, Henry qatt ma qal kelma kontra ħadd u kien jara t-tajjeb f’kull bniedem. Henry hu l-aktar magħruf għal mod kif fieq, mingħajr spjegazzjoni xjentifika, minn problemi f’għajnejh wara li kien jitlob għall-interċessjoni tal-Beata Adeodata Pisani.
//= $special ?>

