Konferma oħra li l-Gvern qatt ma kellu intenzjoni li jkun onest mal-poplu u jgħid l-affarijiet kif inhuma fl-Isptar Mater Dei.
Wara li fl-aħħar jiem ġie żvelat kif bdiet il-kaċċa għal min seta’ għadda lill-Oppożizzjoni r-rapport intern dwar il-qagħda prekarja fl-Isptar Mater Dei, illum nistgħu niżvelaw ukoll li l-Gvern ipprova jaħbi l-informazzjoni li hemm f’dan ir-rapport mill-Parlament ukoll.
Dan għaliex it-talbiet fil-Parlament biex jiġu ppreżentati rapporti simili kienu dejjem miċħuda, b’nuqqas ta’ tweġibiet mill-Gvern u kontra kull forma ta’ trasparenza.
Fil-fatt, f’Diċembru li għadda, id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, dak iż-żmien Shadow Minister għas-Saħħa, għamel mistoqsija parlamentari lill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi u talbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Activity Report tal-Isptar Mater Dei għax-xhur ta’ Ottubru u Novembru li għadda.
Dak li Claudio Grech kien talab lill-Ministru kopja tiegħu huwa l-istess rapport li żvelat l-Oppożizzjoni f’nofs din il-ġimgħa, imma għax-xhur ta’ qabel.
Imma l-Ministru Konrad Mizzi dakinhar irrifjuta li jippubblika r-rapport minħabba li qal li “huwa kummerċjalment sensittiv”.
Issa li kien żvelat l-istess rapport għax-xhur bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena li juri s-sitwazzjoni reali fl-Isptar Mater Dei, il-Gvern jinsab f’paniku.
Dan igiddeb ukoll ir-reazzjoni tal-Gvern Laburista, li meta wieġeb bi stqarrija għall-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Oppożizzjoni quddiem l-Isptar Mater Dei nhar it-Tlieta, qal li “r-rapport li ngħad li nżamm mistur mhu xejn għajr rapport intern li ilu jsir minn amministrazzjoni preċedenti u li jservi ta’ għodda biex il-management tal-isptar jagħmel l-evalwazzjoni tiegħu dwar it-tmexxija tal-istess sptar.”
Minkejja li l-Gvern ried qisu jagħti l-impressjoni li l-Oppożizzjoni ma żvelat xejn ġdid, jibqa’ l-fatt li meta ntalbet kopja tal-istess rapport għall-aħħar xhur tas-sena li għaddiet fil-Parlament, il-Ministru responsabbli mill-qasam tas-saħħa rrifjuta li jgħaddi kopja tiegħu.
//= $special ?>
