Internazzjonali

Kriżi immigrazzjoni: In-NU tesprimi tħassib filwaqt li fl-Ungerija 4 jitressqu l-qorti

Erba’ rġiel suspettati tressqu l-qorti fl-Ungerija, b’konnessjoni mal-imwiet ta’ 71 immigrant li l-katavri tagħhom kienu nstabu, jiem ilu, ġo trakk abbandunat fl-Awstrija.

L-irġiel – tliet Bulgari u Afgani – kienu arrestati fl-Ungerija u l-awtoritajiet Awstrijaċi għandhom ifittxu l-estradizzjoni tagħhom.

Il-vittmi li nstabu fit-trakk abbandunat kienu jinkludu nisa u tfal u jaħsbu li l-maġġoranza assoluta tal-vittmi huma Sirjani. It-trakk inkwistjoni kien instab maġenb triq qrib il-fruntiera tal-Awstrija mal-Ungerija; bil-katavri, imbagħad, ikunu elevati mill-parti tal-vettura riservata għat-tipi ta’ kunsinni li jinżammu ffriżati.

Is-suspettati inkwistjoni tressqu l-qorti, taħt skorta ta’ pulizija, fil-belt ta’ Kecskemet. Huma qed jiffaċċjaw akkużi ta’ aġir ‘aggravat’ konness mat-traffikar tan-nies, bil-prosekuturi fl-Ungerija jitolbu estensjoni taż-żmien (72 siegħa) li jippermetti biex suspettat jinżamm mill-pulizija qabel jitressqulu akkużi speċifiċi jew jinħeles.

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li jinħtieġ isir ħafna aktar biex l-awtoritajiet tal-pajjiżi ma jiffaċċjawx aktar imwiet ta’ immigranti li qed jaħarbu lejn l-Ewropa.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, sejjaħ għal reazzjoni politika kollettiva fil-konfront ta’ din it-traġedja umana bl-iskop li jevitaw ‘kriżi ta’ solidarjetà u mhux tan-numri’. Hu ħeġġeġ għal aktar azzjoni fil-konfront tat-traffikanti tal-bnedmin meta fl-aħħar jiem spikka wkoll il-każ tal-200 immigranti li jidhru li tilfu ħajjithom fl-għarqa ta’ żewġ dgħajjes ‘il hinn mil-Libja.

L-aħħar rapporti qalu li nstabu mal-100 katavru tal-immigranti li kienu qed jaqsmu minn Zuwara, fil-Punent tal-Libja, lejn l-Italja. Intant, kompliet it-tfittxija għall-100 immigranti l-oħra li ma reġgħux dehru wara l-għarqa tad-dgħajjes. Filwaqt li l-parti kbira tal-vittmi inkwistjoni jidhru li ġejjin mis-Sirja u numru ta’ pajjiżi Afrikani, l-immigranti mgħarrqa jinkludu anki sitt nazzjonali ta’ Bangladesh, fosthom tarbija.

U fl-aħħar siegħat mill-ġdid fl-Awstrija nstab truck li fih kien hemm numru ta’ immigranti. Fost l-immigranti, madwar 26 b’kollox, kien hemm tlett t’itfal li jinstabu f’kundizzjoni kritika. Huwa maħsub li l-immigranti huma mis-Sirja, l-Afganistan u l-Bangladesh. It-truck nstab fid-distrett ta’ Braunau u kien qiegħed jiġi misjuq min raġel Rumen.