Malti qed idur l-appartamenti mikrija fiż-żona ta’ Spinola u nħawi oħra f’San Ġiljan u jagħmilha tabirruħu li ntbagħat mis-sidien tal-postijiet mikrija biex isewwi xi ħsarat li allegatament għandhom fil-geyser jew apparat ieħor tad-dar jew appartament tagħhom.
Dan is-sit irċieva diversi rapporti minn barranin li lkoll joqgħodu fl-istess żona ta’ Spinola u li spjegaw kif dan ir-raġel ipprova jidħol għandhom b’insistenza. Meta l-persuna li tkellem magħna spjega li rrifjuta li jħallih jidħol, għaliex ma kellu l-ebda ħsara, dan ir-raġel baqa’ jinsisti u jitkellem dwar dawk li kienu deskritti bħala “skużi banali.”
Kien hawn li r-raġel li tkellem magħna, Taljan, għalaq il-bieb u ċempel lil sid il-kera. F’dan il-waqt il-Malti tela’ għand l-persuna fl-appartament ta’ fuq li minn naħa tagħha fetħitlu.
Madankollu fuq il-post wasal sid l-appartamenti, sab lill-Malti u keċċieh ‘il barra. Mhux magħruf x’inhu l-iskop ta’ dan il-Malti, li madankollu wieħed jista’ jissoponi li qed juża din it-tattika biex jisraq lill-vittmi li jiftħulu.
Dwar dan il-każ diġa’ saru rapporti lill-Pulizija. Ir-raġel qed ikun deskritt bħala twil 1’80, bi ftit xagħar qasir imtella’ ‘l fuq u mqaxxar fil-ġnub.
Jidher li r-raġel qed isuq vettura tat-tip Peugeot 405 ta’ lewn aħmar skur u jagħmel użu minn mobile antik tat-tip Nokia 1110 li jinqeda bih biex jgħid lill-persuni li jipprova jqarraq bihom biex iċemplu lil sid l-appartamenti.
Fil-każ speċifiku tal-persuna li tkellem magħna, il-Malti kien liebes flokk isfar, bermuda skur u liebes żarbun tax-xogħol.
//= $special ?>

