Lokali

Irrid nagħmel il-politika b’mod differenti minn Joseph Muscat – Simon Busuttil

Il-korruzzjoni istituzzjonalizzata hija r-riżultat tal-politika ta’ Joseph Muscat, Il-Gvern tant huwa mifni bl-iskandli, li qiegħed jinsa’ dak li jolqot lin-nies

F’kollegament telefoniku fuq Radio 101 dalgħodu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li hu jrid jagħmel il-politika b’mod differenti minn Joseph Muscat, filwaqt li spjega kif il-korruzzjoni istituzzjonalizzata mhix kumbinazzjoni iżda hija r-riżultat tal-politika ta’ Joseph Muscat. Waqt li kien qed jitkellem dwar it-traffiku u s-saħħa, Simon Busuttil qal li l-Gvern tant huwa mifni bl-iskandli, li qiegħed jinsa’ dak li jolqot lin-nies.

Il-korruzzjoni istituzzjonalizzata mhix kumbinazzjoni iżda hija r-riżultat tal-politika ta’ Joseph Muscat

Mistoqsi dwar is-sensiela ta’ skandli li ddominaw lill-Gvern matul dan is-sajf, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta wieħed iqis kollox, f’25 xahar, dan il-Gvern daħal fi skandli li Gvern Nazzjonalista ma daħalx fihom f’25 sena. “Dawn l-iskandli kollha li qed naraw ifeġġu wieħed wara l-ieħor huma konsegwenza tal-istrateġija politika ta’ Joseph Muscat li jikkolonizza u jaħtaf l-istituzzjonijiet pubbliċi waħda waħda,” qal Simon Busuttil, li kompla jispjega li ta’ dan, hemm żewġ konsegwenzi: qed jikser il-prinċipju ta’ meritokrazija li kien wiegħed hu stess, u l-korruzzjoni istituzzjonalizzata, li mhix kumbinazzjoni, iżda r-riżultat tal-politika ta’ Joseph Muscat. “Hija l-konsegwenza loġika tal-istrateġija politika ta’ Joseph Muscat li jaħtaf l-istituzzjonijiet u jużahom biex iħallas l-obbligi li daħal għalihom qabel l-elezzjoni,” spjega Simon Busuttil.

Hu sostna li hu l-poplu Malti, mit-taxxi tiegħu, li qed iħallas għal dawn l-iskandli. Simon Busuttil sostna li kieku hu kien Prim Ministru, kien jieħu lura mingħand Gaffarena il-€1.5 miljun li tħallas għax-xiri ta’ żewġ kwarti ta’ dar fi Strada Zekka, kien ineħħi lil Michael Falzon għax ma jixraqlux ikun Segretajru Parlamentari,
kien jieħu passi kontra l-eks Spettur tal-Pulizija Daniel Zammit li flok investiga każ kriminali, daħal fin-negozju ma’ Gaffarena, u kien ineħħi lil Ray Zammit li mhux denju li jkun fdat b’kariga pubblika, u li l-Gvern qed ilestilu binja enormi – dak li kien il-PBS – bħala uffiċċju.

“Dak li kont nagħmel jien, u kont nagħmel hekk għax jien irrid nagħmel il-politika b’mod differenti minn Joseph Muscat,” qal Simon Busuttil.

Hu sostna wkoll li l-korruzzjoni fl-iskandlu ta’ Gaffarena tant hi ovvja, li l-Prim Ministru messu ilu li ħa passi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li jekk hu minnu li r-rapport tal-IAID diġa’ huwa lest, allura l-Prim Ministru għandu jagħmel dak li wiegħed u jippubblikah.

Simon Busuttil irrefera wkoll għall-iskandlu tal-visas u l-permessi tar-residenza, skandlu li huwa prova tal-korruzzjoni organizzata li teżisti. “Joe Sammut, l-eks Teżorier tal-Partit Laburista, ma setax iġib mijiet, jekk mhux eluf ta’ viża u permessi ta’ residenza, waħdu. Biex ġabhom kellu bżonn l-għajnuna ta’ numru ta’ istituzzjonijiet, fosthom Identity Malta mmexxija mill-kandidat tal-Partit Laburista Joe Vella Bonnici, li tant qed jiffanga li daħħal il-familja tiegħu kollha taħdem mal-Gvern,” qal Simon Busuttil.

Hu spjega li sa llum, għadna ma nafux kemm il-viża u permess inħarġu b’mod irregolari; għadhom ma ġewx irtirati l-ebda viża u l-ebda permess ta’ residenza; u għadhom ma ttieħdu ebda passi kontra ħadd.

“Dan huwa l-prezz li qed inħallsu għall-istrateġija ta’ Joseph Muscat li jaħtaf l-istituzzjonijiet pubbliċi, jimlihom bin-nies tiegħu u jġibhom iservu lilu flok iservu lill-poplu. Mhux ta’ b’xejn li aħna qed ngħidu li biex issib din it-tip ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata li għandna llum taħt Gvern Laburista, trid tmur lura għall-Gvern ta’ Mintoff u Lorry Sant,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-każ taż-Żonqor mhux kapitlu magħluq għall-Oppożizzjoni: se nibqgħu nagħmlu l-argumenti tagħna kemm fil-Parlament kif ukoll barra l-Parlament

Dwar il-każ taż-Żonqor, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din kienet spin u manipulazzjoni tipika ta’ Joseph Muscat, li l-ewwel kien se jirrovina ż-Żonqor kollu, u issa, wara li kulħadd qam kontrieh, iddeċieda li jirrovina parti miż-Żonqor u jgħidilna ‘ċapċpuli għax biċċa biss miż-Żonqor se nirrovina’. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista mhux se jagħmel hekk, iżda se jkompli jinsisti li l-affarijiet mhux qed isiru sew.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista: jaqbel mal-għaqdiet ambjentali li ma hemmx bżonn tirrovina parti miż-Żonqor biex isir dan il-proġett; jaqbel mal-għaqdiet tal-istudenti u l-lekċerers li jgħidu li m’għandekx tbaxxi l-istandards tal-Universita’ biex taġevola investitur wieħed u jħoss li f’dan il-każ ma kien hemm trasparenza ta’ xejn.

F’dan id-dawl, sostna Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista se tibqa’ tinsisti fuq dawn l-argumenti, anke meta issa l-Gvern iġib din il-kwistjoni għall-approvazzjoni tal-Parlament.

L-interess nazzjonali se niddefenduh kemm f’Malta kif ukoll fil-Parlament Ewropew

Mistoqsi dwar l-iskandlu tal-garanzija statali ta’ €360 miljun biex tkun tista’ tinbena l-Power Station ta’ Muscat, Simon Busuttil qal li l-verita’ hija bil-maqlub ta’ dak li prova jimplika Muscat. Dan peress li filwaqt li f’din il-kwistjoni, Muscat poġġa l-interess tiegħu qabel l-interess nazzjonali, huwa l-Partit Nazzjonalista li qed jiddefendi l-interess nazzjonali, kemm f’Malta kif ukoll fil-Parlament Ewropew.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fuq il-proġett tal-Power Station, Joseph Muscat inqabad f’numru ta’ gideb, fosthom: mhux veru li l-Power Station kienet se tinbena fi żmien sentejn; mhux veru li l-Power Station kienet se tinbena mill-flus tal-privat; mhux veru li hemm bżonn ta’ Power Station oħra biex jorħsu l-kontijiet; mhux veru li hemm trasparenza, anzi hemm ħafna ħabi; mhux veru li l-Enemalta baqgħet f’idejn il-Gvern.

“Il-kredibilita’ ta’ Joseph Muscat dwar l-enerġija issa ħadet daqqa ta’ ħarta kbira, għaliex wiegħed mod, u jew ma wettaqx dak li wiegħed jew saħansitra għamel bil-maqlub,” qal Simon Busuttil.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti mal-Gvern li jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li filwaqt li ż-żejt raħas b’73%, Joseph Muscat pretenda li nċapċpulu għaliex raħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’2 cents. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti mal-Gvern li jraħħashom għaliex illum huwa l-Partit Nazzjonalista li qed jagħti vuċi lin-nies u jħares l-interess tan-nies.

Simon Busuttil irrefera wkoll għall-problema kbira tat-traffiku li qed issir aktar serja. “Il-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi, mhux talli għadu ma sabx ir-roadmap, iżda wisq anqas għandu idea ta’ kif se jsib tarf il-problema tat-traffiku.” Hu rrefera wkoll għall-fatt li għall-Gvern, it-traffiku huwa biss perċezzjoni.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat falla fit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei u mhux veru li kellu roadmap għas-servizzi tas-saħħa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-falliment tal-Gvern ta’ Joseph Muscat fit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei

Simon Busuttil qal li fil-qasam tas-saħħa, l-Gvern mhux miexi ‘l quddiem, iżda bir-reverse, għax is-servizz sejjer lura. “Dan kollu juri li l-Gvern tant huwa mifni bl-iskandli, li qiegħed jinsa’ dak li jolqot lin-nies, bħas-saħħa u t-traffiku,” qal Simon Busuttil.

Inġeddu u nagħtu dehra ġdida lill-festi tal-Indipendenza

Fl-aħħarnett, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-festi tal-Indipendenza, li l-Partit Nazzjonalista qed iġeddidhom u jagħtihom dehra ġdida. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista se jmur il-Belt fejn bdew il-festi tal-Indipendenza fis-snin sebgħin, u se jsiru ħdejn il-Parlament il-ġdid li huwa l-monument għad-demokrazija f’pajjiżna.

Hu għamel appuntament għal bħal lum tliet ġimgħat għall-mass meeting li se jsir fil-Pjazza tal-Parlament fl-okkażjoni tal-135 anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-bidu tal-kollegament telefoniku, Simon Busuttil bagħat l-awguri tiegħu lill-President Emeritu u eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami li jinsab rikoverat l-Isptar.