Il-binja ‘Television House’, li sa ftit xhur ilu kienet qed isservi bħala kwartieri tal-PBS bħalissa qed tkun rinnovata biex minn hawn u ftit ieħor tibda sservi bħala l-uffiċċju uffiċjali tal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit. Il-ġurnal il-mument żvela dan f’rapport ippubblikat illum.
Ray Zammit ġie mċanfar mill-Imħallef Michael Mallia f’inkjesta li kienet saret u li kienet investigat ir-rabtiet bejn il-familja Zammit u l-familja Gaffarena. Minkejja li kien ġie mċanfar għan-nuqqas ta’ etika li mexa biha Ray Zammit, il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux talli ma ħax passi fil-konfront tiegħu, talli żammu fil-kariga ta’ Kap tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali.
Ray Zammit kien inħatar Kap tal-Aġenzija li tamministra l-Wardens wara li Muscat kien sfurzat ikeċċih minn Aġent Kummissarju wara li kien involut direttament f’dak li l-Oppożizzjoni kienet sejħitlu attentat ta’ cover-up fl-isparatura mix-xufier tal-eks-Ministru Manwel Mallia fid-direzzjoni lejn persuna.
Wara dak l-episodju u reċentement wara li ġew ippubblikati dettalji mill-inkjesta tal-Imħallef Michael Mallia, l-ebda esponent tal-Gvern u wisq inqas il-Prim Ministru Joseph Muscat, ma qalu jekk Zammit hux se jitkeċċa minn Kap tal-Aġenzija tal-Infurzar Lokali, aġenzija li waqqaf il-Gvern reċentement.
Aktar dettalji fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mument…
//= $special ?>

