Atletika Sport

L-Istati Uniti jżommu t-titlu fil-4x400m tal-irġiel

ATLETIKA – KAMPJONATI TAD-DINJA

Il-Kenja temm l-ewwekl fil-klassifika tal-midalji

LaShawn Merritt ġera l-aħħar dawra fit-tim Amerikan tar-relay tal-4x400m biex ta lill-Istati Uniti s-sitt titlu mondjali konsekuttiv f’din id-dixxiplina li għalqet ukoll il-15-il edizzjoni tal-kampjonati tad-dinja tal-Atletika li saru matul din il-ġimgħa fil-Bird’s Nest ta’ Beijing fiċ-Ċina.

Merritt, li kien parti mis-sitt timijiet Amerikani fl-aħaħr 10 snin, ġera d-dawra tiegħu f’44.16 sek biex qabeż lill-Ġamajkan Javon Francis fid-dritta finali u qasam il-linja l-ewwel għal-midalja tad-deheb mirbuħa f’żewġ minuti 57.82 sekondi li hu wkoll l-aħjar ħin din is-sena.

Trinidad & Tobago li kienu l-ewwel sal-ewwel tliet dawriet, rebħu l-fidda f’ħin rekord nazzjonali ta’ 2.58.20 sek. waqt li r-Renju Unit ukoll qabeż lill-Ġamajka u ħa l-bronż f’2.58.51 sekonda.

Francis beda l-aħħar dawra b’pass fenomenali u kien quddiem nett fid-dritta finali imma sfaxxa lejn it-tmiem u ntlaħaq u nqabeż mill-Britanniku Martyn Rooney.

It-tielet deheb fir-relay

Il-Ġamajka ħasdet lill-Istiati Uniti fl-aħħar tellieqa tan-nisa fit-track meta Novlene Williams-Mills rebħet id-deheb fil-4×400 metri relay billi ssuperat lil Francena McCorory fl-aħħar 10 metri ta’ tiġrija eċċitanti.

Il-Ġamajkani kellhom vantaġġ ta’ 15-il metru fuq l-Istati Uniti sa nofs it-tellieqa wara ġirjiet b’saħħithom minn Christine Day u Shericka Jackson imma ċ-Champion tal-400m individwali, l-Amerikana Allyson Felix tat wirja mill-aqwa fejn ġriet u laħqet lil Stephanie Ann McPherson u għaddiet il-baton għall-aħħar dawra b’vantaġġ żgħir.

Imma d-dawra eċċezzjonali ta’ Felix irriżultat inutli meta Novlen Williams-mills kellha ġirja mill-aqwa u qabżet lil McCorory u tat it-tielet deheb lill-Ġamajka fir-relays b’Beijing u s-seba’ waħda lil pajjiżha f’ħin ta’ 3 minuti 19.13 sek.
Ir-Renju Unit rebaħ il-midalja tal-bronż.

Kiprop iżomm it-titlu

Il-Kenjan Asbel Kiprop rebaħ it-titlu mondjali tal-1,500m għat-tielet darba wara s-suċċessi fl-2011 u l-2013 bi sforz lejn it-tmiem meta fl-aħħar nofs dawra tela’ mit-12 għall-ewwel post u ħa d-deheb.

Kiprop li għandu 26 sena żamm pass fenomenali sat-tmiem u rebaħ fi 3 minuti 34.40 sek u ġera l-aħħar dawra f’51 sekonda hekk kif ir-rivali tħabtu u ssieltu bejniethom sal-linja finali.

Kienet is-seba’ midalja tad-deheb għall-Kenja mirbuħa f’dawn il-kampjonati bil-konnazzjonal Elijah Manangoi jieħu l-fidda fi 3.34.63 sek waqt li l-Marokkin Abdelaati Iguider xeħet lilu nnifsu fuq il-linja tat-tmiem biex aċċerta mill-midalja tal-bronż.

B’hekk il-Kenja spiċċat l-ewwel fil-klassifika tal-midalji b’7 deheb daqs il-Ġamajka imma l-Kenjani akkumulaw total ta’ 16-il midalja kontra t-12 tal-Ġamajka. L-Istati Uniti temmew it-tielet b’sitta tad-deheb u total ta’ 18.

Eliminazzjoni diretta

Il-Kanadiż Derek Drouin rebaħ id-deheb fil-high jump tal-irġiel meta qabeż 2.34 metri f’finali b’eliminazzjoni diretta.

Drouin daħal għal jump-off maċ-Champion renjanti l-Ukren Bogdan Bondarenko u ċ-Ċiniż Zhang Guowei wara li t-tlieta kienu qabżu l-istess għoli u ma kellhomx żball wieħed sa 2.33 metri. Madankollu ħadd minnhom ma qabeż 2.36 metri.

Wara li t-tlieta fallew dan l-għoli għar-raba’ darba, il-lasta tbaxxiet b’żewġ ċentimetri u kien il-Kanadiż ta’ 25 sena, bronż fl-2013 li għamel l-ewwel qabża b’suċċess u warajh Bondarenko u Zhang it-tnejn fallew u spiċċaw rebħu t-tnejn il-fidda.