Lokali

L-SDM kontra li jibdew l-iskejjel kmieni minħabba t-traffiku

Il-Gvern għandu jiffoka fuq l-istampa l-kbira; m’għandhomx jeħlu l-istudenti

Qabel ma tittieħed deċiżjoni mgħaġġla biex jibdew l-iskejjel siegħa qabel minħabba l-problema tat-traffiku, il-Gvern għandu jħares lejn l-istampa l-kbira, fosthom is-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku.

L-għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM) fi stqarrija qalet li filwaqt li l-ħinijiet tal-iskejjel għandhom xi ftit jew wisq impatt fuq il-konġestjoni tat-traffiku, ix-xhur tas-sajf urew li l-problema tat-traffiku m’hijiex ġejja biss minħabba l-ħinijiet tal-iskejjel. L-SDM qalet li għaldaqstant il-Gvern għandu jħares lejn il-problemi l-oħra li qed jikkawżaw it-traffiku anke’ fix-xhur tas-sajf.

F’kummenti ma’ MaltaRightNow.com, kelliem għall-SDM qal li l-istudenti m’għandhomx jeħlu għal sitwazzjoni tat-traffiku li tal-anqas m’għadiex titqies sempliċiment bħala “perċezzjoni”.

Fl-istqarrija tagħha, l-SDM issuġġeriet li l-Gvern joffri inċentivi biex jippromwovi l-kunċett ta’ ‘car pooling’ u l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport, bħal muturi u roti.

L-SDM ittemm tgħid li temmen li l-iskejjel għandhom jingħaqdu flimkien meta joffru servizz ta’ trasport għat-tfal lejn l-iskejjel u dan għandu jwassal għal tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku.