Wara li beda l-ogħla diviżjoni Spanjola bi draw diżappuntanti mingħajr gowls għand Sporting Gijon, it-tim ta’ Rafa Benitez ta wirja mill-aqwa u ġab fix-xejn lil Real Betis b’rebħa 5-0 fis-Santiago Bernabeu.
Gareth Bale u James Rodriguez it-tnejn skorjaw darbtejn waqt li Karim Benzema skorja l-ewwel gowl tiegħu fl-ewwel rebħa tal-istaġun.
Bale fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras minn cross ta’ Rodriguez fit-tieni minuta waqt li l-Kolombjan irdoppja qabel il-mistrieħ minn freekick dirett.
Benzema għamilhom 3-0 minuta fit-tieni taqasima meta skorja bir-ras minn cross ta’ Bale u Rodriguez b’rovexxjata spettakolari qajjem lill-folla fuq saqajha.
Wara li Keylor Navas salva penalty mas-siegħa logħob, Bale għalaq il-partita b’gowl stupend minn 25 metru fid-89 minuta.
Celta għelbu lil Rayo Vallecano 3-0 wara li dawn tal-aħħar kellhom il-gowlkiper Tono mkeċċi fid-disa’ minuta.
Tono tkeċċa talli waqqa’ lil Daniel Wass b’Nolito jiskorja mill-11-il metru.
L-istess Nolito kiseb doppjetta personali kmieni fit-tieni taqsima waqt li Andreu Fontas għalaq il-logħba għal Celta f’Estadio de Balaidos.
F’Barċellona, iċ-Champions renjanti kellhom bżonn l-ewwel gowl tal-eks plejer ta’ Arsenal Thomas Vermaelen biex issuperaw lil Malaga 1-0 f’partita li fiha naqsu milli jimpressjonaw minkejja li kellhom fil-formazzjoni lil Neymar, Suarez u Messi, waqt li Sporting Gijon ħadu punt ieħor fi draw 0-0 għand Real Sociedad.
//= $special ?>

