Ambjent Lokali

Skiet mill-Ministeru tal-Enerġija dwar jekk sarux studji tal-blat fejn se ssir il-powerstation

Skont l-esperti, it-tħaffir u x-xogħol li qed isiru fil-baħar fiz-zona tal-power station tal-gass setgħu aċċelleraw il-proċess biex ċeda l-blat f’Delimara

Il-Ministru responsabbli mill-Enerġija ilu ġimgħat jevita li jwieġeb mistoqsijiet ta’ il-mument dwar l-istudji ġeoloġiċi, jekk dejjem saru, fl-inħawi fejn se jkun hemm il-power station tal-gass.

Fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mument jiġi rrappurtat li sensiela ta’ mistoqsijiet mibgħuta lill-Ministeru wara l-inċident li seħħ nhar il-Ħadd 9 ta’ Awwissu li fih ċediet massa kbira ta’ blat f’Delimara, eżattament fiz-zona fejn qed tinbena struttura marbuta mat-tanker tal-gass għall-power station il-ġdida, baqgħu mhux imwieġba mill-Ministru Konrad Mizzi.

Esperti li tkellmu ma’ il-mument qalu li t-tħaffir u x-xogħol li qed isiru fil-baħar fiz-zona tal-power station tal-gass setgħu aċċelleraw il-proċess biex ċeda l-blat f’Delimara, Madankollu, bit-tħaffir jew le, il-blat f’Delimara hu kkundannat minħabba d-dgħufija u l-instabbiltà tiegħu.

Il-gazzetta il-mument bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi, li fihom tlabna biex ningħataw l-istudji li suppost kienu saru fl-inħawi dwar is-saħħa u l-istabbiltà tal-blat f’Delimara; studji li skont esperti fil-qasam ċertament kellhom isiru dwar l-istabbiltà tal-blat fl-inħawi.

Minkejja li ġimgħat sħaħ minn meta ntbagħtu l-mistoqsijiet dwar dawn l-istudji lill-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi, bqajna bla ebda tweġiba. Staqsejna wkoll jekk sarux dawn l-istudji u fl-eventwalità li saru, x’kienu r-riżultati tagħhom. Staqsejna wkoll x’passi se jkunu qed jittieħdu wara li seħħ l-inċident li skont l-esperti għandu jservi ta’ twissija għal inċidenti simili li jistgħu jseħħu minħabba l-problema tal-instabbiltà tal-blat.

Il-formazzjoni ġeoloġika prinċipali fuq il-peniżola ta’ Delimara, fejn hemm is-sit tal-power station eżistenti u dik li se tinbena, hija magħmula mill-ġebla franka tan-nofs u ta’ fuq (Globigerina). Il-ġebla tal-franka tan-nofs hija esposta fil-parti tal-irdum li jifforma l-konfini fin-naħa tal-Lvant mal-power station ta’ Delimara.

L-inċident li seħħ il-Ħadd 9 ta’ Awwissu, meta ċeda l-blat f’Delimara, seħħ ftit ’il bogħod minn fejn hemm ippjanat li tinbena din l-infrastruttura kollha.

Aktar dettalji fil-ġurnal il-mument…