Sport

Valentino Rossi jerġa’ fuq quddiem

MOTOGP: Valentino Rossi reġa’ mar fuq quddiem fil-klassifika ġenerali tal-MotoGP meta rebaħ il-Grand Prix tar-Renju Unit f’Silverstone li kien wieħed mimli inċidenti fix-xita.

Danilo Petrucci għall-ewwel darba fil-karriera spiċċa fuq il-podju bit-tieni post waqt li Andrea Dovizioso ssupera lil Jorge Lorenzo għat-tielet post.

Rossi tal-Movistar Yamaha kien surmast f’kundizzjonijiet diffiċli wara li ħa l-kmand mingħand Lorenzo fl-ewwel fażi waqt li l-eqreb rivali tiegħu Marc Marquez waqa’ fit-13-il dawra u temm l-isfida tiegħu.

Danilo Petrucci ta’ Octo Pramac Ducati ta l-aqwa prestazzjoni ta’ ħajtu biex temm fit-tieni post u saħansitra anke pprova jattakka lil Rossi wara li mar fit-tieni post fl-aħħar mumenti. Andrea Dovizioso għamilha kważi tiġrija perfetta għall-manifatturi Taljani meta temm it-tielet quddiem Lorenzo.

Imma waqt li għal Rossi kienet ġunata oħra ta’ suċċess, is-sewwieqa tal-Honda kellhom ġrunata mill-aktar negattiva. Il-Honda bdew bi tlieta mill-ewwel sitt sewwieqa fl-ewwel fażi imma wara inċidenti varji, Dani Pedrosa kien l-aħjar sewwieq tal-Honda fil-ħames post.

Marquez ukoll waqa’ fit-13-il dawra waqt li kien qed isegwi lil Rossi u spiċċa mormi minn fuq il-Honda tiegħu.

Cal Crutchlow kellu l-ħolma tiegħu tal-ewwel podju f’pajjiżu mkissra minn sieħbu tal-LCR Honda Jack Miller li pprova jaqbżu minn ġewwa fejn skiddja u kaxkar miegħu lil Crutchlow.

Rossi issa għandu 236 punt, 12-il punt aktar minn sieħbu tal-Yamaha Lorenzo li għandu 224 punt waqt li Marc Marquez issa prattikament ċeda x-xettru meta baqa’ b’159 punt.