Minn għada jiftaħ l-istaġun tal-Kaċċa fil-Harifa minn fuq l-art.
Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari ghall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali tgħid li l-kaċċa minn fuq l-art tista’ ssir minn għada sal-31 ta’ Jannar minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx bejn it-Tnejn u s-Sibt u minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-1p.m. fil-Ħdud.
Min-naħa l-oħra, mhux se titħalla ssir kaċċa mill-art bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru mit-Tnejn sas-Sibt mis-7p.m. sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-jum ta’ wara.
Il-Kaċċa mill-baħar se tiftaħ bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Jannar fl-istess ħinijiet bħall-kaċċa mill-art. Il-ġranet ta’ waqfien tal-kaċċa mill-art jgħoddu wkoll għall-kaċċa mill-baħar.
L-istqarrija twissi dwar il-pieni għal min jinqabad jispara jew jonsob tajr protett. Kwalunkwe ksur ta’ dawn ir-regolamenti jfissru multa awtomatika ta’ €5,000 u/jew sentenza ta’ sena ħabs. Dan minbarra revoka permanenti tal-liċenzja u konfiska tal-arma jew tagħmir ieħor. F’każ tat-tieni offiża jew iktar, il-multa titla’ għal €10,000 flimkien ma’ konfiska u/jew sentenza ta’ sentejn ħabs.
Pieni oħra japplikaw għal irregolaritajiet oħrajn, fosthom min jinqabad ma jiddikjarax it-tjur maqbuda fil-carnet de chasse.
//= $special ?>

