Lokali

Imnedija l-10 edizzjoni ta’ Paqpaqli għall-Istrina

Għall-għaxar sena konsekuttiva, se ssir edizzjoni oħra ta’ Paqpaqli għall-Istrina, li issa saret sinonimu mhux biss mal-entużjasti tal-karozzi, iżda wkoll ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-karita.

Dan għaliex Paqpaqli għall-Istrina tiġbor fl-istess post mijiet ta’ karozzi lussużi u sportivi bl-għan li jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund. Fost dawn hemm il-karozza ta’ attrazzjoni mondjali La Ferrari, kif ukoll karozzi oħrajn bħal McLaren P1, Porsche 918 Spider u, għall-ewwel darba f’Malta apposta għal Paqpaqli għall-Istrina, il-karozza Koenigsegg

Din is-sena, Paqpaqli għall-Istrina se ssir fl-4 ta’ Ottubru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fiż-żona ta’ Ħal Farruġ. Min jattendi, se jkollu l-opportunità jsuq karozzi ta’ fama mondjali, filwaqt li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru attrazzjonijiet kbar oħra.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet biex titnieda din l-attività, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-organizzaturi u anke lill-poplu Malti u Għawdxi, li dejjem jikkonkorri b’ħeġġa kbira għal Paqpaqli għall-Istrina.