Ħallelin fi Franza li ppużaw bħala turisti Għarab sinjuri użaw diversi apparat, li kienu jinkludu stethoscope, biex jaċċertaw jekk il-kmamar tal-lukandi kenux vojta min-nies bl-iskop li jidħlu u jagħmlu serqa tajba. Dawn il-ħallelin issa spiċċaw arrestati mill-pulizija Franċiża.
Id-delitt kien organizzat bir-reqqa u beda meta żewġ irġiel infurmaw lill-istaff tar-reception ta’ lukanda li huma kienu tilfu ċ-ċwievet ta’ kamrithom. Jidher li l-irġiel, imbagħad, użaw din it-tattika biex jiksbu aċċess għall-kmamar tat-turisti Għarab f’lukandi lussużi ta’ Pariġi u fl-inħawi tar-Riviera Franċiża.
Qabel daħlu fil-kmamar, iż-żewġ irġiel użaw stethoscope mal-bibien biex iserrħu rashom li ma kien hemm ħadd ġewwa, qabel daħlu. Ladarba kienu ġewwa, l-iġiel użaw l-imrietel u apparat ieħor biex ineħħu s-safes minn posthom u jpoġġuhom fil-bagalji li mbagħad tniżżlu u tqiegħdu f’karozzi li kienu qed jistennew barra l-lukandi.
Dawn id-delitti kienu rrappurtati minn diversi lukandi lussużi u l-irġiel inqabdu wara li l-pulizija analizzat filmati tas-CCTV li ttieħdu waqt il-ħinijiet tar-reati.
//= $special ?>