Lokali

Jipprova jsolvi l-konġestjoni tat-traffiku billi jitfa’ piż fuq it-tfal – MUT

Għall-Gvern, is-soluzzjoni għall-problemi tat-traffiku hi li jbiddel il-ħinijiet għall-istudenti. Din kienet ir-reazzjoni uffiċċjali tal-Union tal-Għalliema l-MUT għall-proposta tal-Gvern fil-White Paper dwar it-traffiku li fiha il-Gvern qed jipproponi li l-iskejjel jibdew fis-7a.m. minflok fit-8a.m.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-parti l-kbira tal-iskejjel tal-Gvern diġa jkunu miftuħin u jilqgħu it-tfal siegħa qabel il-ħin tal-ftuħ uffiċċjali. Minkejja dan, il-konġestjoni tat-traffiku baqgħet kif kienet. L-istess jgħodd għall-iskejjel privati u indipendenti.

Il-Union tal-Għalliema tkompli li anki fil-vakanzi tas-Sajf – fejn suppost l-affarijiet ikunu aħjar għax m’hemmx trasport tal-iskejjelt – ftit li xejn ikun hemm titjib fil-konġestjoni tat-traffiku.

L-MUT hi għal kollox kontra li l-istudenti jiġu sfurzati jħallu djarhom iktar kmieni milli meħtieġ u hi kontra kull pjan li jżid iktar responsabbiltajiet fuq il-kapijiet tal-iskejjel jew l-għalliema.

L-MUT appellat lill-Gvern biex ma jaħlix iktar ħin u jagħmel eżerċizzju serju u proposta sostanzjali biex itejjeb din il-problema serja.

Hi staqsiet x’qed isir biex tkun indirizzata l-problema serja ta’ nuqqas ta’ fiduċja fit-trasport pubbliku, il-loġika wara ċertu traffic lights u zebra crossings.

Problemi ohra huma n-nuqqas ta’ passaġġi fuq jew taħt it-toroq li minnhom persuni jistgħu jaqsmu t-triq, l-ippjanar ħażin ta’ ċertu toroq; sewqan bl-addoċċ li jikkawża inċidenti u iżjed konġestjoni, ebda moratorju fuq vetturi kbar, ġbir ta’ skart, tiswijiet fit-toroq u l-perikli minn zwiemel bis-serkin u l-karrozzini.