It-tim Malti tal-Beach Handball kompla l-impenji tiegħu waqt l-ewwel edizzjoni tal-Beach Games tal-Mediterran li qed isiru f’Pescara b’żewġ partiti oħra.
Wara t-telfiet fl-ewwel ġurnata bl-iskor ta’ 0-2 kontra t-Tuneżija u t-Turkija, it-tim Malti t-Tnejn kompla l-impenji tiegħu fi Grupp B b’wirja aktar konvinċenti kontra s-Slovenja fejn tilef bl-iskor ta’ 2-1.
Wara li tilef l-ewwel set 17-9, it-tim Malti wettaq rimonta mill-aqwa fit-tieni set u rebaħ l-ewwel set tiegħu fl-istorja 14-12 biex għamel l-iskor 1-1.Kien biss bl-għoti tal-penalties fejn il-Maltin tilfu 2-5 li s-Slovenja kisbu rebħa 2-1.
Fil-partita l-oħra Malta ltaqgħet kontra l-Greċja li wkoll kienu għadhom ġejjin minn telfa 1-2 kontra t-Tuneżija imma rebħu l-ewwel logħba tagħhom il-Ħadd 2-0 kontra s-Slovenja. Il-Maltin tilfu l-ewwel set 19-8 u mbagħad 19-12 biex illum jiltaqgħu kontra l-Albanija.
Intant wasal f’Pescara il-kontinġent tal-Beach Soccer immexxi mill-kowc Massimiliano DeCelis waqt li l-koppja tal-Beach Volley Alison Borg u Thais Gatt kellhom l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ flimkien mal-kowċ Aaron Stivala.
It-tim nazzjonali tal-Beach Soccer jiddebutta l-Erbgħa kontra l-Marokk.
//= $special ?>

