Formula 1 Sport

Rosberg isir missier

Nico Rosberg daħal fil-lista dejejm tikber tas-sewwieqa missirijiet fil-Formula 1 meta s-sieħba tiegħu Vivian welldet tifla.

Kienet mument perfett għaliex it-tifla twieldet proprju fi tmiem il-ġimgħa meta ma kienx kemm tlielaq bejn il-GP tal-Belġju u dak tal-Italja nhar il-Ħadd.

“Il-qamar kwinta tana tifla lbieraħ wara nofsinhar u ninsabu ferm ferħana. Grazzi lil kulħadd,” qal Rosberg fuq tweet ilbieraħ filgħodu.

Is-sewwieq tal-Mercedes li jinsab fit-tieni post fil-klassifika ġenerali għadu ma żvelax x’se jkun l-isem tat-tifla.


Bl-istess sewwieqa

Intant il-Kap tar-Red Bull Christian Horner żvela li fl-istaġun li ġej Daniel Ricciardo u Daniil Kvyat se jerġgħu jkunu s-sewwieqa tat-tim.

Bħalissa Kvyat jinsab fis-sitt post u Ricciardo s-seba’ fil-klassifika ġenerali. Fl-istaġun li għadda Ricciardo kellu wirjiet aqwa minn Sebastian Vettel u rebaħ tliet tiġrijiet imma dan l-istaġun ma reġax’ wera l-istess sewqan.

Barra minn hekk, dan l-aħħar kien hemm spekulazzjonijiet li r-Red Bull ma kienux se jżommu lil Kvyat għall-istaġun li ġej imma f’kummenti Horner qal li t-tibdil fit-tim se jsir fl-2017 u mhux sena oħra.

Wieħed miż-żewġ sewwieqa tat-Toro Rosso, Max Verstappen u Carlos Sainz għandu post riservat għal mar-Red Bull. Dan l-istaġun it-tnejn kellhom wirjiet tajbin u bejniethom kisbu 35 punt.

Horner żvela wkoll li fl-istaġun li ġej se jerġgħu jkunu r-Renault li jipprovdu lit-tim bil-magni tagħhom.