L-aħħar pass taċ-Chairman Cassar White sabiex ikollu kontroll assolut fuq it-tmexxija tal-Bank
Fil-klima tqila bil-ħafna kontroversji li għaddej minnhom il-Bank of Valletta grazzi għat-tmexxija partiġġjana taċ-Chairman Cassar White, qed tirranka sew l-ispekulazzjoni dwar min se jkun il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Bank of Valletta. Dan ġie żvelat fil-ġurnal In-Nazzjon.
Dan wara li nhar il-Ħamis li għadda ħarġet l-aħbar li l-Bank kien se joħroġ sejħa interna u pubblika għar-rwol ta’ Kap Eżekuttiv hekk kif il-kuntratt tas-CEO preżenti, Charles Borg, jiskadi fl-aħħar ta’ din is-sena. Ħafna qed iqisu dan l-iżvilupp bħala l-pass aħħari taċ-Chairman John Cassar White sabiex ikollu kontroll assolut fuq it-tmexxija tal-Bank.
S’issa kien hemm min qed isostni li Cassar White seta’ jikkunsidra li jġedded il-kuntratt ta’ Charles Borg għal perjodu ieħor sabiex jevita li jkun hemm kontroversji oħra li tkompli ddgħajjef ir-reputazzjoni tal-Bank.
Hekk jew b’hekk, sostnew uħud li tkellmu ma’ In-Nazzjon, Charles Borg ilu sa mill-bidu li nħatar Cassar White li abdika ħafna mir-responsabbiltajiet tiegħu u ċeda t-tmexxija u d-deċiżjonijiet dwar l-operat tal-bank liċ-Chairman.
Ikkummentaw ukoll kif b’mod mill-aktar evidenti, il-Kap Eżekuttiv preżenti għamel sforzi kbar biex jipprova jżomm postu u jkollu l-fiduċja tat-tmexxija ta’ Cassar White u jikseb terminu ieħor bħala CEO.
Żvilupp ieħor li seħħ fl-aħħar jiem kien l-aħbar permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Borża ta’ Malta, li l-Bank of Valletta se jistieden applikazzjonijiet minn dawk interessati li jsiru l-Kap Eżekuttiv ġdid tal-BOV.
L-indikazzjonijiet huma, li din il-possibbiltà li Borg jibqa’ CEO tal-BOV saret xi ħaġa improbabbli ħafna. Dan għaliex, sostnew is-sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal, li kieku ċ-Chairman Cassar White ried jestendi l-kuntratt ta’ Borg kull ma kellu jagħmel kien li jikkonvinċi u jikseb l-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi, u mhux joħroġ sejħa għal applikazzjonijiet. Din hi l-prassi normali meta Kap Eżekuttiv ikollu t-terminu tiegħu mġedded.
Hu għalhekk li ħafna llum qed isostnu li issa li se jeskadi l-kuntratt ta’ Borg, Cassar White se jieħu l-opportunità biex jaħtar lil favorit tiegħu fil-kariga ta’ CEO. Dan mhu ħadd ħlief Mario Mallia li s-sena l-oħra ġie appuntat fil-kariga ta’ Chief Operations Officer minn Cassar White stess.
Meta s-sena l-oħra saret ir-riforma ta’ Cassar White, Mario Mallia li kien jokkupa l-kariga ta’ Chief Risk Officer, inħatar bħala Chief Operations Officer biex b’hekk fetaħ it-triq sabiex Miguel Borg jieħu promozzjoni għar-rwol ta’ Chief Risk Officer, u, kif irrapporta In-Nazzjon b’mod esklussiv, ħa żieda fis-salarju ta’ €13,000 fis-sena.
Mario Mallia, li għal snin twal ħadem bħala assistent ta’ Cassar White, hu magħruf għal-lealtà assoluta li għandu lejn iċ-Chairman preżenti. Miguel Borg, minn naħa l-oħra, għandu wkoll lealtà sħiħa lejn Cassar White minħabba li kien Cassar White stess li madwar tmien snin ilu daħħal lil Borg bħala Risk Management Consultant mal-BOV.
Illum huma dawn it-tnejn li qed imexxu kollox fil-BOV skont id-direzzjoni li jagħti Cassar White innifsu. B’hekk, il-kontroll li għandu Cassar White se jkompli jissaħħaħ ferm jekk Mallia jinħatar Kap Eżekuttiv.
Impjegati tal-BOV li tkellmu ma’ In-Nazzjon esprimew l-inkwiet tagħhom għall-fatt li filwaqt li bil-kliem Cassar White jistqarr li qed isaħħaħ il-Corporate Governance fil-Bank, effettivament qatt daqs illum ma jeżisti Corporate Governance deficit qawwi ġewwa l-BOV.
L-indikazzjonijiet kollha huma li l-ħatra tal-Kap Eżekuttiv il-ġdd se jkun eżerċizzju ieħor fejn kollox jinħadem bizzilla b’numru ta’ intervisti sabiex jidhru li qed ikunu fair u trasparenti meta fil-fatt kulħadd ikun jaf minn qabel l-eżitu finali.
Jirriżulta wkoll li Cassar White qed jerġa’ jinvolvi l-awdituri KPMG biex jagħti l-impressjoni ta’ kredibbiltà lil dan il-proċess. Iżda, fakkru s-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon, li kien dan il-ġurnal stess li kien żvela minn xhur qabel min kienu dawk li se jinħatru fil-karigi eżekuttivi tal-Bank fir-riforma li tħabbret f’Lulju tas-sena l-oħra kif ukoll f’karigi oħra bħal fil-każ riċenti taċ-Change Management Executive.
Jirriżulta għalhekk li din hi l-formula effettiva sabiex Cassar White jkun jista’ jagħmel dak li jrid filwaqt li jevita l-iskrutinju tal-European Central Bank u l-MFSA.
//= $special ?>

