Il-kowċ nazzjonali tal-Italja Antonio Conte qal li t-tim tiegħu din il-ġimgħa jista’ jaċċerta mill-kwalifikazzjoni għall-finali tal-Euro 2016 b’rebħiet fuq Malta u l-Bulgarija.
L-Italja jinsabu t-tieni fi Grupp H imma jinsabu żewġ punti fuq in-Norveġja u erbgħa fuq il-Bulgarija.
Lejlet il-partita kontra Malta għada f’Firenze, u dik kontra l-Bulgarija nhar il-Ħadd, Conte qal li l-kwalifikazzjoni (l-ewwel tnejn minn kull grupp jikkwalifikaw għall-finali) hi ferm viċin.
“Din hi ġimgħa importanti ħafna għalina. Se niltaqgħu kontra Malta u l-Bulgarija. Nistgħu nkunu ferm viċin il-kwalifikazzjoni jekk nirbħu dawn il-partiti. Imma importanti li nifhmu li s’issa għadna ma kkwalifikajniex,” qal Conte.
Fost il-plejers li Conte ħalla barra għal dawn il-partiti hemm Mario Balotelli u Claudio Marchisio waqt li Sebastian Giovinco rtira mill-iskwadra minħabba injury.
“Importanti li nibqgħu iffukati fuq il-plejers li għandna hawn. Inkella nispiċċaw nibdew naħsbu fuq soluzzjonijiet impossibli u naħlu l-ħin. Irridu nagħtu l-aħjar tagħna b’dawn il-plejers. Madankollu se nkun ferm attent bil-plejers li se nilgħab. Din id-darba sejjaħt grupp ta’ plejers bażat fuq il-prestazzjoni tal-istaġun li għadda. Emmint fihom u jimmeritahom iċ-ċans li juru li kapaċi jkomplu jagħmlu xogħlhom magħna,” kompla Conte.
“Jekk uħud minn dawn il-plejers ma jilagħbux matul dan l-istaġun, allura ovvjament se jkunu qed jissograw li ma nsejħilhomx. Irrid inkun onest u nirrispetta lill-plejers li qed jilagħbu u dwar dan irrid inkun ċar,” temm il-kowċ nazzjonali Taljan.
Imur Firenze
Sadanittant it-tim nazzjonali dalgħodu għal ħabta tas-7.30 a.m. ħalla Malta b’titjira diretta lejn Pisa minn fejn imbagħad ikompli triqtu lejn Firenze. Jakkumpanjaw lil Ghedin hemm ukoll l-assistent kowċ Ray Farrugia u l-kowċ tal-gowlkipers Charles Sciberras flimkien mal-preparatur fiżiku Luca Pagani.
It-tim Malti mistenni jkollu sessjoni waħda ta’ taħriġ il-lejla fl-istess ħin tal-partita.
//= $special ?>

