Lokali Qorti

Ħames xhur ħabs għaż-żewġ persuni li daħlu fil-bini tal-Parlament b’mod illegali

Aktar għassa tal-Pulizija u reviżjoni regolari fil-pjan tas-sigurta’ tal-Parlament fost is-suġġerimenti tal-Qorti

Il-Qorti kkundannat lill Eman Zammit ta’ 36 sena u lil Clayton Fava ta’ 28 sena ħames xhur ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li b’mod illegali daħlu ġo art restritta għall-pubbliku li tagħmel parti mill-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta, mingħajr il-permessi neċessarji. L-irġiel tpoġġew ukoll taħt ordni ta’ superviżjoni għal erba’ snin.

L-imputati kienu wkoll akkużati b’attentat ta’ serq aggravat madanakollu l-Maġistrat Joe Mifsud fis-sentenza tiegħu ma sabx lill-irġiel ħatja ta’ din l-akkuża.

Il-każ seħħ fis-16 t’Awissu li għadda meta bejn id-9 u l-11 ta’ filgħodu, iż-żewġt irġiel daħlu ġewwa art restritta għall-pubbliku u li tagħmel parti mill-bini tal-Parlament ta’ Malta, billi skalaw minn żewġ rixtelli u qalu lill-Pulizija li sabhom li kienu daħlu hemm biex jistkennu mix-xita.

Dwar dan il-Qorti qalet li kienet qed tagħmilha ċara li ma kinitx qed temmen din il-verżjoni tal-imputati.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li meta l-Qorti tkun qed tiddeċiedi s-sentenza, għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-impatt tar-reat li jkun seħħ fuq is-soċjeta’ kif ukoll tar-reazzjoni tas-soċjeta’, madanakollu żied li l-Qorti mhux qegħda hemm biex tissodisfa l-għajta ta’ dawk, li ma’ kull sentenza, jiktbu fil-gazzetti jew f’xi blog fuq l-internet sabiex jikkritikaw kollox u bl-addoċċ, għax mingħalihom li issa saru esperti fil-liġi u fil-mod ta’ kif is-sentenzi jiġu deċiżi.

Il-Qorti faħħret il-ħidma li wettqu l-membri tal-Korp tal-Pulizija assenjati għas-Sigurta’ tal-Parlament, fejn irnexxielhom jaqbdu lill-imputat f’zona qabel jidħlu għall-bini propju tal-Parlament.

Żiedet tgħid li l-fatt li ż-żewġ impurtati waslu b’faċilita’ sa’ fejn waslu fiż-żona esklussiva tal-Parlament għandu joħloq tħassib u piż fuq min għandu jwettaq xi xogħlijiet infrastrutturali li fadal biex ix-xogħol ikun komplut.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti għamlet numru ta’ suġġerimenti għal żieda fis-sigurta’ taz-zona tal-Parlament, fosthom li d-daħla tal-mina tal-eks Stazzjon tal-Ferrovija għandha tingħalaq sa’ fuq permezz ta’ xibka tal-ħadid.

Il-Qorti qalet ukoll li għandhom jitwaħħlu kameras tas-sigurta’ f’dawn iz-zoni li fil-preżent mhumiex koperti, fosthom il-mina tal-eks Stazzjon tal-Ferrovija fejn se jkun qed jiġi żviluppat l-arkivju tal-Parlament u l-foss.

Apparti minn hekk, iżżid il-Qorti fis-sentenza tagħha, li n-numru ta’ Pulizija għandu jiżdied meta jkun hemm attivita’ fil-bini tal-Parlament u fid-dintomi barra l-ħinijiet normali tax-xogħol, filwaqt li għandu jsir eżerċizzju ta’ ‘risk assesment’ fuq bażi regolari li jkun ikopri l-aspetti kollha tas-sigurta’ tal-binja biex il-pjan ta’ sigurta’ tal-binja jkun rivedut minn żmien għal żmien.

Fir-rigward taż-żewġt irġiel li nstabu ħatja, il-Qorti iddikjarat li ż-żmien li damu taħt arrest preventiv b’rabta ma’ dan il-każ għandu jitnaqqas miż-żmien li jridu jiskontaw fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.