L-inkompetenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat u tal-Gvern tiegħu spiċċat problema li għaliha qed iħallsu l-familji Maltin u Għawdxin.
Dan sostnieh il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami, li fiha tkellem dwar il-biża’ tal-familji kawża ta’ żieda fis-serq u l-kriminalità.
Il-Partit Nazzjonalista qal li quddiem iż-żieda fis-serq u l-kriminalità, b’mod partikolari fil-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, is-Swieqi, San Ġiljan, il-Gżira, San Pawl il-Baħar u San Ġwann, il-Gvern mhuwiex jindirizza din il-problema.
Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li hu evidenti li l-Pulizija, li l-maġġoranza tagħhom jagħmlu xogħol siewi u prezzjuż fil-lokalitajiet, mhumiex biżżejjed fin-numri u m’għandhomx ir-riżorsi biżżejjed biex jiġġieldu l-kriminalità.
Quddiem dan kollu, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista, l-unika soluzzjoni tal-Ministru tal-Intern Carmelo Abela hi li jitfagħha fuq ir-residenti stess biex jaraw kif se jsolvu l-problema huma, minflok ma jieħu azzjonijiet drastiċi biex jassigura li s-sigurtà f’dawn il-lokalitajiet tiżdied u tiżdied sew.
Il-Partit Nazzjonalista qal li minflok jagħti l-miljuni f’deals korrotti lil dawk viċin tiegħu, il-Gvern għandu jinvesti fil-Korp tal-Pulizija, f’aktar riżorsi umani, kif ukoll f’għodda u riżorsi li l-Pulizija jistgħu jużaw fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità.
L-istqarrija temmet tghid li l-Partit Nazzjonalista juri solidarjetà mal-familji milquta, b’mod speċjali dawk l-anzjani li qed jibżgħu joħorġu minn djarhom.
//= $special ?>

