Il-Papa Franġisku qal li l-Qassisin Kattoliċi se jingħataw il-permess jaħfru lin-nisa li għaddew minn abort, b’din il-maħfra tkun anke valida għal dawk it-Tobba li jkunu wettqu l-proċedura. Dan dejjem jekk in-nisa involuti jitolbu maħfra sinċiera. Madankollu, din hi biss miżura temporanja għas-Sena tal-Ġublew li jmiss, bejn it-8 ta’ Diċembru 2015 u s-26 ta’ Novembru 2016.
Ir-Reliġjon Kattolika tqis l-abort bħala dnub gravi, li ħaqqu l-iskomunikazzjoni awtomatika. Madankollu, il-Papa qal li ħafna nisa li jispiċċaw f’din is-sitwazzjoni jemmnu li m’għandhom l-ebda għażla oħra. Il-Kap tal-Knisja Kattolika sostna li wara li ltaqa’ personalment ma’ ħafna nisa, li jġorru f’qalbhom il-pjaga dovuta għad-deċiżjoni diffiċli li ħadu, innota li din għadha qed tweġġagħhom.
Din il-bidla hi maħsuba li tirrifletti wkoll il-fehmiet ċari tal-Papa Franġisku dwar id-don tal-ħniena u l-maħfra. Is-Sena tal-Ġublew hi meqjusa bħala waħda mill-aktar avvenimenti importanti tal-Knisja Kattolika, li ssir kull 25 sena.
//= $special ?>