Lokali Saħħa

Il-pazjent qed jitħalla jitlef id-dinjità tiegħu u ħaddieħor qed isir sinjur minn flus il-poplu minħabba l-falliment tal-Gvern ta’ Muscat – il-PN

Filwaqt li t-Tobba fid-Dipartiment tal-Emerġenza jinsabu ‘close to breaking point’, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, magħżul direttament minn Muscat, għażel li jaħrab u minflok isolvi l-problemi li hemm fl-Isptar, tefa’ l-piż fuq ħaddieħor. Hu ċar li l-falliment fit-tmexxija tal-Isptar Mater Dei hu riżultat dirett tad-deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu fuq livell politiku, fosthom l-għażla tal-bniedem li jmexxi l-Isptar Mater Dei.

Qalet dan, f’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, li sostniet li l-poplu Malti u Għawdxi qed ibati minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena li ħadu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Chris Fearne. Qalet li hu evidenti li r-roadmap li tant issemmiet qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet qatt ma kienet teżisti, u issa li Joseph Muscat jinsab fil-Gvern, aktar u aktar m’għandu ebda idea ta’ kif se jindirizza l-problemi fis-settur tas-Saħħa.

Claudette Buttigieg sostniet li Ivan Falzon, magħżul minn Muscat biex imexxi l-Isptar Mater Dei, m’għandu l-ebda esperjenza fis-settur tas-Saħħa jew fil-Management u għalhekk hu parti mir-raġunijiet ta’ dan il-falliment. Sostniet li mhux talli qed jitħallas €84,000 fis-sena, iżda waqt kriżi ħarab u tefa l-piż fuq ħaddieħor.

Min-naħa tagħha, il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Graziella Schembri qalet li hu inspjegabbli l-fatt kif il-pazjenti fl-Isptar Mater Dei qed jitħallew jitilfu d-dinjità tagħhom b’dan il-mod. Sostniet li l-agħar ħaġa hi li, filwaqt li l-pazjent qed jitlef id-dinjità tiegħu, il-politiċi responsabbli mis-settur tas-Saħħa qed jippruvaw jagħtu impressjoni mhux veritiera minflok jammettu li teżisti kriżi u jindirizzawha.

Fakkret ukoll li l-ġimgħa li għaddiet kellha tkun l-Oppożizzjoni li tiżvela rapport intern tal-Isptar Mater Dei, li juri biċ-ċar kif Muscat u dawk magħżula minnu fallew kompletament fit-tmexxija tal-Isptar. Madankollu, minflok ma ammetta l-problemi u ppreżenta programm ta’ kif se jiġu indirizzati dawn is-sitwazzjonijiet, ir-reazzjoni tal-Gvern kienet ibbażata fuq assassinju tal-karattru ta’ min żvela r-rapport.