Wara numru ta’ laqgħat mal-Ministeru tas-Saħħa, jidher biċ-ċar li l-Gvern m’għandu l-ebda intenzjoni li jpoġġi fuq quddiem id-drittijiet tal-ħaddiema u l-professjonisti tas-Saħħa fil-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet ta’ Għawdex, St Luke’s u Karin Grech.
Dan qalitu fi stqarrija l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), li għamlet referenza għal-laqgħat li kellha ma’ Uffiċjali tal-Ministeru. L-Union qalet li fil-laqgħat mal-Ministeru, il-UĦM għamlitha ċara li għalkemm hi dejjem favur it-tisħiħ fis-servizz li jingħata lill-pazjent fil-qasam tas-Saħħa, dan m’għandu qatt isir a skapitu tal-ħaddiem u l-professjonist, iżda għandu jsir id f’id magħhom.
Il-UĦM qed tagħmilha ċara li l-aġenda tagħha hi li tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema u mhux li tmexxi riforma billi tipprova tikkonvinċi lill-ħaddiema dak li mhux minnu.
Fl-istqarrija, il-UĦM qalet li qed tisfida lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari biex, flimkien magħha, jiltaqgħu mal-ħaddiema u jwieġbu numru ta’ mistoqsijiet li l-ħaddiema qed jistennew tweġiba għalihom bi dritt.
Fl-istess waqt, il-UĦM sostniet li qed tagħti garanzija lill-ħaddiema u lill-professjonisti milqutin mil-privatizzazzjoni, li se tkun qed tagħmel minn kollox biex tipproteġi lill-ħaddiema minn kull tibdil li jista’ jnaqqas mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
//= $special ?>