Il-Pulizija fit-Tajlandja arrestat lit-tieni suspettat b’konnessjoni mal-isplużjoni tas-17 ta’ Awwissu f’santwarju f’Bangkok, meta mietu mal-20 persuna. Is-suspettat hu barrani. L-arrest seħħ fil-provinċja ta’ Sa Kaeo, lejn il-Lvant, u li tmiss mal-fruntiera tal-Kambodja.
L-awtoritajiet qalu li r-raġel hu s-suspettat ewlieni li nqabad waqt li kien qed jipprova jaqsam il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Kambodja minn post illegali. Hu mifhum li r-raġel, fil-preżent, qed jinżamm mingħajr ma tressqulu akkużi speċifiċi.
Nhar is-Sibt li għadda, kien arrestat barrani ieħor b’konnessjoni mal-attakk kontra s-Santwarju ta’ Erawan, u bħalissa qed ikun interrogat mill-pulizija.
L-iskop wara l-attakk fuq is-santwarju għadu mhux magħruf u lanqas mhu ċar jekk xi ħadd fost iż-żewġ arrestati jistax ikun is-suspettat li nqabad mill-kameras fis-sit tas-santwarju qed iħalli basket fil-post minuti qabel l-isplużjoni.
L-awtoritajiet Tajlandiżi, fl-istess ħin, ħarġu tliet mandati ta’ arrest oħra biex issa għandhom b’kollox seba’ mandati. Mhux eskluż li l-pulizija qed jikkonfrontaw xi netwerk ta’ militanti li jista’ jkun qed jippjana aktar attakki fit-Tajlandja.
//= $special ?>