Iċ-ċifri ppubblikati mill-Gvern stess juru li fl-ewwel sentejn tiegħu, il-Gvern Laburista daħħal xejn anqas minn 5,500 persuna mal-gvern. Din iċ-ċifra tirriżulta mill-fatt li minn mal-Gvern jirtiraw 1,500 persuna fis-sena, kif qal Edward Scicluna stess f’rapport lill-Unjoni Ewropea. Il-Ministru tal-Finanzi mhux talli ma wettaqx dak li qal, talli għamel eżatt bil-maqlub. L-ewwel daħħal 3,000 persuna mal-Gvern, flok dawk li rtiraw fis-sentejn sa Marzu li għadda, u magħhom żied 2,500 oħra. B’kollox, jiġifieri, daħħal 5,500 persuna mal-Gvern fl-ewwel sentejn tiegħu.
Aktar minn nofs l-impjiegi li qed jinħolqu mal-privat huma għall-barranin
Waqt li l-Gvern kien għaddej idaħħal 5,500 persuna, il-privat qed joħloq impjiegi li ħafna minnhom qed joħduhom il-barranin. Sorsi uffiċjali, fosthom il-Ministru Evarist Bartolo stess, ilhom jgħidu li aktar minn nofs l-impjiegi qed joħduhom il-barranin. Raġuni għal dan il-fenomenu hi l-pagi baxxi li lesti jaċċettaw ħaddiema minn pajjiżi bħall-Bulgarija u r-Rumanija fejn il-pagi huma saħansitra anqas minn tagħna. Jekk, skont il-Gvern stess, nofs l-impjiegi kollha qed joħduhom il-barranin u jekk il-Gvern jimpjega biss, jew kważi biss, Maltin, dan ifisser li aktar minn nofs l-impjiegi li qed joħloq il-privat qed joħduhom ħaddiema barranin. Dan juri li għandna xi ħaġa ħażina fis-suq tax-xogħol, speċjalment id-dipendenza fuq xogħol mal-Gvern u pagi baxxi.
Nuqqas ta’ xogħol produttiv u nuqqas ta’ pagi tajbin
Iċ-ċifri li qed jippubblika l-Gvern stess juru li f’Malta għandna nuqqas ta’ xogħol produttiv b’pagi tajbin. Dal-Gvern dawwar xejra li kienet ilha għaddejja 25 sena ta’ tnaqqis fl-impjiegi mal-Gvern u qed jaħbi l-qgħad li kien ikollu billi daħħal 5,500 mal-Gvern.
Il-Gvern juża flus il-poplu biex jattakka lill-Oppożizzjoni
L-Oppożizzjoni tinnota wkoll li fl-istqarrija tiegħu biex jiftaħar b’dak li qed jiddeskrivi bħala ‘titjib fir-rata tal-qgħad’, il-Gvern għażel li jiftaħ attakk dirett fuq l-Oppożizzjoni. Dan qed jagħmlu billi juża d-Dipartiment tal-Informazzjoni – minn flus il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa inaċċettabbli li l-Gvern Laburista jibqa’ juża istituzzjonijiet pubbliċi kif irid hu, u issa, anke jattakka b’mod dirett il-membri tal-Oppożizzjoni.