It-trasferiment ta’ £29m tal-gowlkiper David De Gea minn ma’ Manchester United għal ma’ Real Madrid sfaxxa minħabba li l-karti neċessarji ma laħqux waslu fil-ħin.
Bħala parti mill-ftehim biex jinbiegħ De Gea, United kienu qed jippjanaw li jieħdu lil Keylor Navas mingħand Real.
Fi Spanja m’hemm l-ebda preċedent fejn klabbs ingħataw ħin żejjed biex jikkonkludu t-trasferiment ta’ plejers kif hemm fl-Ingilterra.
Fil-fatt fl-Ingilterra s-suq tat-trasferimenti kien inbidel milli jagħlaq fil-31 ta’ Awwissu biex ikun evitat li jaqa’ f’Bank Holiday u t-trasferimenti tal-Premier u l-Football League issa jagħlqu fis-6 p.m. tal-1 ta’ Settembru waqt li sitt sigħat wara jagħlaq dak fl-Iskozja.
Peress li l-iskwadri taċ-Champions League jridu jkunu sottomessi lill-UEFA sal-11 p.m. tal-1 ta’ Settembru, il-Premier League iddeċieda li s-suq tat-trasferimenti jagħlaq fis-6 p.m.
Damn meta ħafna mit-trasferimenti tal-aqwa kampjonati Ewropej, jagħlqu fil-31 ta’ Awwissu, fosthom il-Ġermanja (6 p.m.), l-Italja (11 p.m.) u Franza, Spanja u l-Olanda (kollha sa nofs il-lejl).
Dawn il-ħinijiet jaffettwaw biss ix-xiri ta’ plejers u dan ifisser li fl-Ingilterra, l-klabbs xorta jistgħu jixtru plejers minn pajjiżi oħra sakemm jagħlaq is-suq fl-Ingilterra.
Iwaħħlu f’Man Utd
Rapporti fi Spanja qalu li United kienu responsabbli li dan il-ftehim falla. Dawn qed jgħidu li Real baqgħu ma rċevewx il-karti fil-kwartieri tal-FA Spanjola sa minuta wara l-11 p.m. li hu l-ħin massimu stipulat.
United qed isostnu li għandhom irċevuti li jipprovaw li huma bagħtu d-dokumenti relevanti fil-ħin.
Real iddeċiedew li ma jappellawx quddiem il-FIFA li hi responsabbli għat-trasferimenti internazzjonali u De Gea se jibqa’ Old Trafford jikkompeti għal post fl-ewwel ħdax ta’ United.
L-Arġentin Sergio Romero s’issa beda kull waħda mis-sitt partiti li lagħbu United dan l-istaġun u bħala sostitut fuq il-bank kellu lil Sam Johnstone.
Ir-Red Devils għad għandhom ukoll lil Victor Valdes wara li t-trasferiment tiegħu ma’ Besiktas falla, imma dan jinsab f’tilwima mal-manager Louis van Gaal.
Għalissa iżda, De Gea, li għadu ma lagħabx ma’ United dan l-istaġun, irid idawwar l-attenzjoni tiegħu fuq it-tim nazzjonali Spanjol.
Spanja jmissha żewġ partiti mill-Euro 2016, f’darhom kontra s-Slovakkja nhar is-Sibt u fil-Maċedonja nhar it-Tlieta 8 ta’ Settembru.


