Lokali

Kunsillieri tal-PN f’Santa Venera esklużi minn laqgħa li talbu huma stess

Wara li ġew notifikati bil-laqgħa siegħa biss qabel b’email, is-Sindku Laburista Stephen Sultana jibqa’ għaddej mingħajr il-preżenza tagħhom minkejja li l-laqgħa talbuha huma stess biex jiġi diskuss id-diżgwid bejn residenti ta’ Triq il-Fawwara u l-istess Sindku

Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Venera talbu azzjoni mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali dwar dak li qed ikun deskritt bħala abbuż mis-Sindku Laburista tal-lokal Stephen Sultana, li sejjaħ laqgħa b’urġenza, filwaqt li l-kunsillieri – fosthom dawk tal-PN li kienu huma stess li talbu li ssir il-laqgħa – kienu notifikati biss b’email siegħa qabel bdiet l-istess laqgħa.

Dan wassal biex numru ta’ kunsillieri ma kinux jafu b’din il-laqgħa għax ma laħqux raw l-aġenda mibgħuta b’email u b’hekk m’attendewx.

Dan ġie rappurtat f’rapport ippubblikat fuq il-ġurnal ‘In-Nazzjon’ li tkellem mal-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista li spjegaw lil dan il-ġurnal li l-laqgħa li ssejħet b’urġenza fuq talba tagħhom stess – imma li ironikament ma kinux preżenti għaliha minħabba l-aġir tas-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv – kellha tiddiskuti kwistjoni li żviluppat fl-aħħar ġimgħat, fejn residenti ta’ Triq il-Fawwara kienu qed jitolbu li ssir laqgħa mal-Ministru responsabbli mill-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia dwar storbju minn residenza soċjali f’din it-triq.

Jirriżulta li din ir-residenza taqa’ taħt il-ħarsien tal-Aġenzija Appoġġ u fl-aħħar ġimgħat ir-residenti ta’ din it-triq kienu qed jilmentaw li xi residenti żgħażagħ li jattendu dan il-post kienu qed idejquhom bl-aġir tagħhom.

Dan wassal biex il-Kunsill Lokali jorganizza laqgħa pubblika li saret nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu biex tkun diskussa s-sitwazzjoni. Għal din il-laqgħa kienu mistiedna l-Ispettur tal-Pulizija tal-lokalità, l-Aġenzija Appoġġ u r-residenti.

Fin-nuqqas tar-rappreżentanti mill-Appoġġ, ir-residenti kienu qed jitolbu li jiltaqgħu mal-Ministru Michael Farrugia, li hu direttament u politikament responsabbli mill-Appoġġ. Talba li ntlaqgħet bl-oppożizzjoni qawwija tas-Sindku ta’ Santa Venera, Stephen Sultana, li sal-aħħar tal-laqgħa kellu jċedi għat-talba tar-residenti.

In-nuqqas ta’ qbil dwar jekk għandhiex issir laqgħa għar-residenti mal-Ministru, u jekk issir, kemm-il rappreżentant tar-residenti għandu jkun hemm preżenti, wassal biex il-kunsillieri tal-PN jitolbu li s-Sindku jsejjaħ laqgħa tal-Kunsill b’urġenza biex il-Kunsill Lokali ma jkollux għalfejn joqgħod jistenna sal-11 ta’ Settembru li ġej biex jieħu deċiżjoni dwar dan.

Iżda filwaqt li skont il-liġi tal-Kunsill Lokali, ‘urġenza’ tfisser li laqgħa tista’ tissejjaħ fi żmien tlett ijiem, is-Sindku Laburista Stephen Sultana ddeċieda li jsejjaħ laqgħa tal-Kunsill Lokali siegħa biss wara li bagħat email lill-kunsillieri. Mossa li wasslet biex il-Kunsillieri tal-PN ma kienux jafu bil-laqgħa u għaldaqstant spiċċaw esklużi mil-laqgħa li sejħu huma stess.

Aktar dettalji fil-ġurnal In-Nazzjon…

PIX A

 

Ritratti: L-email li ntbagħtet fis-6.08pm u li permezz tagħha ssejħet laqgħa għas-7.30pm ta’ dakinhar stess. Il-laqgħa ntalbet mill-kunsillieri tal-PN biex tittieħed deċiżjoni dwar diżgwid bejn is-Sindku Laburista u residenti ta’ Triq il-Fawwara

PIX B

Ritratti: Email ta’ kundanna mill-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott għall-aġir deskritt bħala ‘xejn responsabbli’ tas-Sindku Laburista Stephen Sultana