Internazzjonali

L-awtoritajiet fl-Ukrajna jikkalkulaw l-effetti tal-vjolenza

Miet membru ieħor tal-Gwardja Nazzjonali Ukrena li kien spiċċa ferut fil-vjolenza tat-Tnejn bejn dimostranti u l-qawwiet għaż-żamma tal-ordni barra l-Parlament ta’ Kiev, fl-Ukrajna.

L-ewwel vittma, suldat, kien inqatel waqt l-inċidenti li żbruffaw fil-lejl tat-Tnejn fil-belt kapitali u wara li xi ħadd kien tefa’ grenade fl-inħawi. Hu mifhum ukoll li spiċċaw feruti għexieren ta’ nies fiz-zona u l-inkwiet kien dovut għal sensiela ta’ protesti li jingħad li bdew minn xi inċidenti żgħar.

Il-konfronti, li kienu jinvolvu elementi ultranazzjonalisti, żbruffaw wara li d-deputati parlamentari taw appoġġ inizjali għal riforma intiża biex l-artijiet tal-Lvant ikkontrollati mir-ribelli Ukreni jingħataw aktar awtonomija. Skont ir-rapporti, il-protesti fi Kiev tmexxew minn membri tal-Partit Radikali u l-Partit Svobodali li jopponu kull konċessjoni lis-separatisti fl-Ukrajna li qed jappoġġjaw lir-Russja.

Fil-lejl tat-Tnejn, numru ta’ deputati Ukreni (wara dibattitu) kienu appoġġjaw l-ewwel qari tal-abbozz għal deċentralizzazzjoni, bl-iskop li jingħataw aktar poteri lir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk, lejn il-Lvant tal-pajjiż.

Intant, il-President tal-Ukrajna, Leonid Kuchma, għamel diskors lill-pajjiż u qal li qed iqis il-vjolenza quddiem il-Parlament daqslikieku ‘daqqa ta’ stallett fid-dahar’. Fl-istess ħin, il-Gvern Ukren qed iwiegħed li se jagħmel minn kollox biex issir il-ġustizzja ma’ dawk kollha responsabbli mill-vjolenza fi Kiev.