Id-distinzjoni bejn politika liberali u politika konservattiva aktarx hija distinzjoni li minkejja taf tidher bħala waħda opposta u saħansitra paradossali, hija biss distinzjoni ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni skont iż-żminijiet. Nifhem li l-politika konservattiva, illum il-ġurnata ma għandhiex l-istess tifsira bħalma kellha ħamsin sena ilu, u għaldaqstant, fiha nnifisha hemm żvilupp u proċess ta’ maturità li jirrifletti kemm id-distinzjoni bejn il-politika liberali u dik konservattiva mhijiex daqstant diversa.
Il-Partit Nazzjonalista li jħaddan għeruq konservattivi, matul dawn l-aħħar xhur beda jinfetaħ aktar għal ideat li mhux neċċesarjament huma għal kollox fl-istess keffa tal-ideoloġija tiegħu għaliex kull partit politiku huwa ħaj u allura għandu influwenzi kontinwi mis-soċjetà li fiha jkun qiegħed jiżviluppa, anke jekk l-ideoloġija primarja hija l-qofol tal-argument politiku tat-tali partit. B’dan l-argument, allura ninnota kemm il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jimxix ‘il quddiem u jibda jilqa’ fih ideat differenti li jqanqlu dibattitu u diskussjoni. Wieħed jista’ jikkritika li l-Partit qiegħed jitbiegħed minn dak li kien fundamentali għalih, imma wieħed irid jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Partit jieqaf u jixtarr il-kurrenti li qegħdin isawru s-soċjetà biex jibqa’ validu u japplika għall-ġenerazzjonijiet attwali.
Madwar ġimagħtejn ilu lqajt l-istedina tal-MŻPN sabiex nattendi għal work shop imtella’ mill-Moviment taż-Żgħażagħ tal-Partit, mill-Forum għall-Opportunitajiet Indaqs b’kollaborazzjoni mal-We Are, organizzazzjoni universitarja LGBTQQI li ttratta l-isfida kontinwa għal integrazzjoni sħiħa ta’ persuni LGBTQQI fis-soċjetà u b’mod speċjali l-lingwaġġ relatat. Il-work shop minnu nnifsu jikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista huwa lest li jilqa’ l-isfidi tal-preżent u saħansitra jrid jeduka lilu nnifsu billi jħares ‘il quddiem, u permezz ta’ organu integrali fil-Partit stess li huwa l-ġenerazzjoni ta’ għada, jibda jixpruna bidliet li għalkemm huma diversi min-norma fi ħdan il-Partit, hemm il-ħtieġa li jkunu ttratti u diskussi.
Huwa eżerċizzju li anke l-Knsija qiegħda teżerċita. Dan rajnieh sewwa fil-famuż paragrafu 55 tas-Sinodu tas-sena li għaddiet. Hemm pressjoni, u hekk għandu jkun, li frażijiet diżpreġġjattivi fil-konfront tal-LGBTQQI bħal “intrinsically disorded” u “contraceptive mentality” b’referenza għal persuni LGBT fil-knisja ma jibqax jitqies bħala aċċettabbli. Għaldaqstant, la anke l-Knisja lesta li tilqa’ dan id-dibattitu, għaliex il-Partit Nazzjonalista ma għandux jiddjalogu wkoll?
Ilkoll niftakru kif intlaqgħet l-astensjoni tal-vot dwar il-liġi tal-Unjoni Ċivili mill-Partit Nazzjonalista, u għalkemm il-Partit, fisser il-pożizzjoni tiegħu, dik li hu favur l-Unjoni Ċivili imma mhux favur l-adozzjoni ta’ koppji tal-istess sess magħquda b’Unjoni Ċivili, xorta waħda ma ntalaqax tajjeb. Konsegwentament, il-Partit, kellu għaldaqstant, mill-kliem jgħaddi għall-fatti tant li waqqaf il-Forum tal-Opportunitajiet Indaqs li sotto-kumitat fi ħdanu huwa ffukat fuq issues relatati mal-orjentazzjoni sesswali.
Mingħajr ma nidħol fil-merti tax-xogħol siewi li l-Forum Opportunitajiet Indaqs qiegħed jagħmel, jekk xejn fir-rigward tal-LGBTQQI, apprezzajt immens l-inizjattiva tal-MŻPN li jibda jersaq aktar lejn il-politika li xxaqleb fuq in-naħa l-oħra tal-politika konservattiva u jeduka ruħu dwar aspetti għal kollox ġodda fil-Partit Nazzjonalista.
L-edukazzjoni li twassal għal aktar ugwaljanza u rispett fil-konfront tal-komunità LGBTQQI hija l-bażi, mhux f’partit politiku biss imma f’soċjetà, sabiex nibdew inħarsu lejn orizzonti ġodda li jikxfu kemm pajjiżna qiegħed jimmatura.
Fi stħarriġ dwar Malta li sar fl-2011 imma ppubblikat fl-2012 mill-aġenzija għad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala FRA, jirriżulta li Malta, matul is-snin li għaddew naqset li tilqa’ għal kollox fi ħdanha l-komunità LGBTQQI. Il-fatti juru, li 64% ħbew li huma LGBTI tul is-snin skolastiċi filwaqt li 70% qatt ma tkellmu dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Dan jikkonferma kemm allura, matul is-snin li għaddew, u nażżarda nissuspetta li anke fiż-żminijiet tal-lum, għadna lura f’dan ir-rigward ta’ integrazzjoni sħiħa abbażi tal-orjentazzjoni sesswali.
Irridu għaldaqstant nagħrfu x’qiegħed iwassal għal dan in-nuqqas. Ma nistgħux nibqgħu nippuntaw subgħajna lejn il-ġenituri jew lejn il-liġi – għaliex matul din il-leġiżlatura l-Partit Nazzjonalista ressaq emendi kostituzzjonali importanti tant li llum huwa illegali li wieħed jiddiskrimina abbażi tal-orjentazzjoni sesswali – imma lejn il-binarju l-aktar komuni tal-idea li l-familja hija biss il-mara u r-raġel. Għax tajjeb li ninnutaw li l-iskejjel tagħna huma nieqsa għal kollox minn kotba li jippreżentaw id-diversità tal-familja jew messaġġi f’powsters jew xort’oħra li jinkoraġġixxu t-tolleranza u r-rispett ugwali fil-konfront ta’ persuni LGBTI. Wieħed irid jara wkoll il-mod negattiv li bih intlaqgħu il-kummenti tal-Ministru tal-Edukazzjoni meta tkellem dwar l-importanza dwar dan. Fl-iskejjel tagħna nesperjenzaw ibbuljar kontinwu u kliem dispreġġjattiv li jikkontradixxi l-iżvilupp li suppost qed nagħmlu bħala pajjiż li verament irid ikun tolleranti u ugwali. Irridu qabel xejn nedukaw ruħna jekk irridu nkunu aktar tolleranti, u nedukaw ruħna sa mis-snin bikrija għaliex din hija bidla li trid timmatura fuq medda ta’ żmien.
Għalhekk, li jkollna Partit Nazzjonalista li minkejja l-passat tiegħu qiegħed jaġġorna ruħu u jiddiskuti dwar il-ħtiġijiet li jkun aktar tolleranti, huwa pass ‘il quddiem li jawgura tajjeb għall-futur.
Il-ġenerazzjoni l-ġdida jixirqilha li jkollha mira waħda, dik li tara lil kulħadd indaqs u l-istess irrispettivament l-orjentazzjoni sesswali.
Dan l-artiklu deher fil-ġurnal In-Nazzjon tat-Tnejn 31 ta’ Awwissu 2015.
Justin Schembri huwa Kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali tal-2018 fuq it-8 Distrett.
//= $special ?>