Il-kowċ tat-tim nazzjonali U/21 Silvio Vella assistit mnin Noel Turner sejħu l-iskwadra finali ta’ 19-il plejer għall-partiti kontra r-Repubblika Ċeka u l-Montenegro mill-Kampjonati Ewropej.
L-uniku plejer li tħalla barra mill-20 li kienu fl-iskwadra proviżorja hu Samuel Magri ta’ Dover Athletic.
F’din l-iskwadra Vella żamm sitt plejers ġodda fosthom il-gowlkiper ta’ Floriana Matthew Calleja Cremona, d-difensur u ta’ Pietà Karl Micallef, il-midfielder ta’ Floriana Conor Borg u l-attakkanti ta’ Hibernians li telgħu mill-iskwadra tal-Youths, Jurgen Degabriele u Joseph Mbong u Kurt Zammit ta’ B’Kara.
L-aktar plejer b’esperjenza f’din l-iskwadra hu l-midfieldeer ta’ Birkirkara Ryan Camenzuli li lagħab 14-il darba f’din il-kategorija.
Il-kontinġent jitlaq lejn Praga llum wara nofsinhar u l-ewwel logħba se tkun kontra r-Repubblika Ċeka nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru fis-6 p.m.
Wara l-partita t-tim jitlaq mill-ewwel lejn il-Montenegro fejn it-Tlieta 8 ta’ Settembru fis-6.30 p.m. jilgħab f’Podgorica kontra l-Montenegro.
Malta tinsab fi Grupp 1 fejn s’issa lgħabna żewġ partiti, rebħa 2-1 fil-Latvja u draw 0-0 fil-Moldova. Dawn iż-żewġ partiti ntlagħbu f’Ġunju biex it-tim malti issa għandu 4 punti u jinsab fl-ewwel post tal-grupp. Madankollu r-Repubblika Ċeka se jkunu qed jiddebuttaw fil-grupp bil-logħba kontra Malta waqt li l-Montenegro lagħbu logħba waħda kontra l-Moldova u rebħu 1-0.
Interessanti l-fatt li t-tim nazzjonali Malti U/21 f’25 sena ta’ kwalifikazzjoni kiseb 31 punt bl-aħjar wirjiet tiegħu jkunu fl-1996, 2000 u l-2013 fejn it-tim kiseb total ta’ ħames punti.
L-iskwadra kollha hi din:
Gowlkipers: Jurgen Borg (Hibs), Matthew Calleja Cremona (Floriana)
Difensuri: Samir Arab (Balzan), Cain Attard (B’Kara), Emanuel Briffa (Floriana), Karl Micallef (Pietà H), Michael Johnson (St. Andrews), Daniel Zerafa (Tarxien R)
Midfielders: Terence Agius (Balzan), Johann Bezzina (Hibernians), Conor Borg (Floriana), Ryan Camenzuli (B’Kara), Kyle Cesare (Pietà), Llewelyn Cremona (Valletta), Brandon Muscat (Tarxien R)
Attakkanti: Jurgen Degabriele (Hibs), Joseph Mbong (Hibs), Luke Montebello (Tarxien), Kurt Zammit (B’Kara).


