Il-ħames edizzjoni tal-Mdina Grand Prix din is-sena se ssir bejn it-8 u l-11 ta’ Ottubru u se terġa’ tkun l-attrazzjoni prinċipali f’Malta esklussivament riservata għall-karozzi klassiċi. Dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Valletta Grand Prix Foundation.
Għal darb’oħra mistennija parteċipazzjoni qawwija ta’ madwar 70 parteċipant il-maġġor parti minnhom barranin, u wara li s-sena l-oħra kien hawn parteċipant minn New Zealand din is-sena se jkun hawn karozza Corvette Stingray mill-Awstralja.
Is-scrutineering se jsir fit-3 ta’ Ottubru fil-pjazza ta’ The Point f’Tigne fis-2 p.m. u se jkun miftuħ għall-pubbliku.
L-ewwel attività uffiċjali tkun il-Hillclimb tal-Ħamis 8 ta’ Ottubru li se ssir f’Ta’ Pennellu fil-Mellieħa.
Is-Segretarju Charles Zahra qal li wara s-suċċess tas-sena l-oħra, il-Hillclimb din is-sena se tibda fl-4 p.m. u tibqa’ sejra sa filgħaxija fejn wara l-karozzi se jkunu kollha għall-wiri fil-pjazza tal-Mellieħa.
Il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru isir il-Concorse d’Elegance fil-pjazza tal-Imdina quddiem il-Katidral u li għalih ta’ kull sena jattendu mijiet ta’ dilettanti biex jaraw mill-qrib dawn il-karozzi. L-għada s-Sibt filgħodu issir l-ewwel tiġrija fuq ċirkwit ta’ 2.2 km li se jkun l-istess bħal dak tas-sena l-oħra.
Is-Sibt wara nofsinhar il-kompetituri kollha jtellqu kontra l-ħin biex ikun determinat kif se jkunu qed jibdew fuq il-grid fit-tiġrija proprja tal-Ħadd. Hawnhekk l-aktar 10 karozzi veloċi jikkompetu għalihom fi Grupp 1 għat-trofew prestiġjuż tal-Mdina Grand Prix waqt li l-oħrajn ikunu maqsuma fi klassijiet differenti u jikkompetu għal trofej oħra.
Il-pubbliku bħas-soltu se jkun jista’ jsegwi din l-attività b’xejn, fejn din is-sena se jitpoġġew ukoll stands fil-ByPass tal-Imtarfa waqt li l-ipparkjar ikun taħt is-saqqajja fejn se jkun hemm servizz ta’ Park & Ride.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil qal li l-interess fl-isport tal-karozzi f’Malta hu wieħed qawwi ħafna u ħabbar li l-Gvern beda jilqa’ espressjoni ta’ nteress għall-bini tal-ewwel ċirkwit esklussivament għat-tlielaq tal-karozzi f’Malta.
Waqt il-konferenza tniedet ukoll il-websajt uffiċjali għall-Grand Prix ta’ din is-sena www.mdinagp.com fejn wieħed jista’ jsib aktar dettalji. Dan l-Mdina GP qed isir taħt l-awspiċi tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u bl-għajnuna ta’ diversi sponsors oħra.
//= $special ?>