Lokali

Fi tmiem il-ġimgħa edizzjoni oħra ta’ Swieqi Fest

Fi tmiem il-ġimgħa jingħata bidu għal edizzjoni oħra tas-Swieqi Fest. Għal sena oħra s-Swieqi Fest se tiġbor lit-tfal, żgħażagħ u l-ġenituri taghhom f’post wieħed, fiż-żona taċ-Ċentru Ċiviku ġdid, għal erbat ijiem ta’ logħob u divertiment.

Kollox jibda s-Sibt li ġej filgħodu b’numru ta’ logħob għat-tfal u l-ġenituri, kif ukoll ir-residenti ta’ kull età. Filgħaxija mbaghad isir l-Acoustic Night, b’numru ta’ kantanti jdoqqu mużika acoustic.

L-għada l-Ħadd, dejjem fiċ-Ċentru Ċiviku tas-Swieqi, isir il-Family Art and Music Festival, mill-4 ta’ wara nofsinhar ‘il quddiem b’divertiment għat-tfal, arti għall-familja u żfin. Is-Sindku Noel Muscat ħabbar ukoll li se jkun hemm preżenti ukoll riċerkaturi ta’ talenti fil-kant.

Is-Swieqi Fest it-Tnejn hu karatterizzat minn Music Festival li jibda fit-8.30 ta’ filgħaxija fejn jieħdu sehem il-gruppi rinomati Relik, Skarlet u Red Electric biex l-għada l-Ħadd, minn ħdejn il-Knisja Parrokkjali tal-Ibraġġ jibdew il-ġirja ta’ ħames kilometri u l-mixja bl-istess distanza, kif ukoll il-fun run.Waranofsinhar issir ukoll is-Swieqi Handball Cup li ġġib fi tmiemha s-Swieqi Fest ta’ din is-sena.