Lokali

Filmat: Chris Cardona ma jara xejn ħażin li appunta Chief of Staff persuna li miegħu hu f’negozju

Jgħid li ma kellux x’jaqsam mal-ħatra taċ-Chief of Staff tiegħu fuq bord tad-diretturi ta’ lukanda sussidjarja ta’ joint-venture bejn il-Gvern Malti u entita’ Libjana

Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona ma jara xejn ħażin li ħatar bħala Chief of Staff tal-Ministeru tiegħu persuna li miegħu qiegħed f’negozju.

Dikjarazzjoni ċara u tonda li Chris Cardona għamel f’risposti għal mistoqsijiet ta’ MaltaRightNow.com, f’Konferenza tal-Aħbarijiet konġunta mal-Ministru Evarist Bartolo.

Ftit jiem ilu, il-ġurnal Times of Malta ppubblika rapport li fih ġie żvelat li c-Chief of Staff ta’ Chris Cardona, Mario Azzopardi, inħatar bħala Direttur ta’ lukanda f’Malta li hi sussidjarja ta’ joint-venture bejn il-Gvern Malti u kumpanija Libjana; u dan meta l-istess Mario Azzopardi ġie kritikat għall-fatt li m’għandux esperjenza fil-qasam turistiku.

Iżda qabel staqsejna lil Chris Cardona dwar din il-ħatra, staqsejna jekk jaħsibx li hi etika li bħala Chief of Staff ħatar lil persuna li miegħu għandu negozju.

Dan peress li skont dak li ġie rappurtat f’The Times, Chris Cardona għandu ishma f’kumpanija li fiha hemm Mario Azzopardi bħala Direttur – il-kumpanija Sapmac Limited.

Iżda minkejja dawn ir-rabtiet kummerċjali bejn Chris Cardona u Mario Azzopardi, il-Ministru tal-Ekonomija ma jara xejn ħażin fid-deċiżjoni li jaħtar lil Azzopardi bħala Chief of Staff.

Riċentament, kif żvelat minn The Times, iċ-Chief of Staff ta’ Chris Cardona inħatar ukoll Direttur tal-lukanda Golden Tulip Vivaldi – lukanda li s-sid tagħha hi l-kumpanija ‘Libyan-Arab Maltese Holding’ – joint-venture bejn il-Gvern Malti u kumpanija Libjana.

Dwar dan staqsejna lil Chris Cardona min issuġerixxa l-isem ta’ Azzopardi biex jinħatar Direttur, u jekk hu kellux involviment f’din il-ħatra, fejn wieġeb li hu ma kellu x’jaqsam xejn.

Iċ-Chief of Staff ta’ Chris Cardona, Mario Azzopardi, kien fl-attenzjoni tal-media ftit ġimgħat ilu, meta kien sar magħruf li n-neputi tiegħu Karl Cutajar ta’ 18-il sena, kien inħatar Direttur ta’ kumpanija mwaqqfa mill-Gvern.

Ħatra li kienet ġabet reazzjoni qawwija mill-pubbliku u li wasslet biex iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena rriżenja minn din il-kariga f’kumpanija li kienet taqa’ direttament taħt il-Ministeru mmexxi minn Chris Cardona.