Eżodu bla preċedent fl-ogħla karigi fil-Korp tal-Pulizija. Dan kien rapportat fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal The Times of Malta, li fiha ssemmew fost l-aktar Pulizija mlaħħqin u ta’ esperjenza li se jirriżenjaw mill-Korp.
Fost dawk li huma rrapportati li tefgħu r-riżenja tagħhom hemm id-Deputat Kummissarju Pierre Calleja, l-Assistenti Kummissarji Antoine Casha u Norbert Ciappara, kif ukoll numru ta’ Supretendenti u Spetturi.
Fost membri oħrajn tal-Korp li rriżenjaw fl-aħħar xhur, hemm is-Supretendenti Josef Petroni, Sharon Tanti, Martin Bayliss u Michael Mallia, kif ukoll l-Ispetturi Pierre Grech, Sylvana Briffa, Marisa Zammit u Rosanne Debattista.
Sorsi fi ħdan il-Korp qalu li r-raġuni wara dan l-eżodu bla preċedent ta’ Fizzjali mhijiex ċara. Uħud minn dawn ir-riżenji kienu mistennija, hekk kif il-Fizzjali nvoluti jkunu jridu bidla fil-karriera wara numru ta’ snin ta’ servizz. Min-naħa l-oħra, il-Korp tal-Pulizija mhux għaddej minn żmien sabiħ, tant li dan seta’ wassal biex il-Fizzjali jieħdu d-deċiżjoni li jirriżenjaw mill-Korp.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-ġurnal In-Nazzjon ukoll irrapporta dwar numru kbir ta’ riżenji mill-Korp tal-Pulizija, li fl-aħħar sentejn u nofs għadda minn taqlib kbir, fosthom b’tibdil ta’ erba’ Kummissarji tal-Pulizija.
//= $special ?>

