Lokali

Il-garanzija statali għall-Power Station hi unika u diskriminatorja mal-komunità kummerċjali – il-PN

Il-garanzija mill-Gvern dwar il-Power Station hi unika u diskriminatorja mal-komunità kummerċjali. Deċiżjoni politika li sfrattat il-level playing field għan-negozji Maltin u Għawdxin. Qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, li spjega li l-garanzija statali ta’ €360 miljun hi wkoll diskriminatorja għal żewġ raġunijiet.

Ix-Shadow Minister spjega li f’tenders pubbliċi, l-ebda negozju ma jingħata l-privileġġ li l-Gvern jagħmillu tajjeb għall-investiment tiegħu, kif ukoll li n-negozji qatt ma jsibu lit-taxpayer biex jagħmillhom tajjeb għas-self li jridu jieħdu mill-banek. Min-naħa l-oħra, biex jagħmlu dan, ikollhom bżonn jagħtu garanziji personali u assi tagħhom jew tal-kumpanija tagħhom.

Claudio Grech saħaq li f’dan il-każ, il-Gvern Laburista għażel li minflok juża t-€360 miljun biex isaħħaħ l-intrapriżi Maltin, użahom biex jiggarantixxi dak li l-operaturi privati stess ma kienux lesti jiggarantixxu. Dan hu sinjal ċar ta’ diskriminazzjoni bla preċedent ma’ kif il-Gvern jimxi mal-kumplament tal-kumpaniji f’pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kummerċ Robert Arrigo qal li l-messaġġ li bagħat il-Gvern b’din il-garanzija statali hu għal kollox ħażin. Dan għaliex, spjega, li issa n-negozji jafu li filwaqt li l-Gvern ikun qed jgħidilhom mod, fl-istess ħin u dwar l-istess suġġett, jista’ jkun li l-Gvern ikun qed jgħid kompletament bil-kontra lil ħaddieħor.

U l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono tkellmet dwar il-fatt li l-impatt ta’ dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet ikunu kbar, kemm fuq il-mood tan-negozji u anke fil-mod ta’ kif dawn iħarsu lejn il-kompetizzjoni fis-suq. Sostniet li barra minhekk, id-deċiżjoni li tingħata l-garanzija statali se tħalli konsegwenza fit-tul fuq il-familji, kif ukoll fuq in-negozji u l-ekonomija Maltija.