Lokali

Ir-raba’ edizzjoni ta’ Xjenza fil-Belt

Ir-raba’ edizzjoni ta’ Xjenza fil-Belt – Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej, se toffri sorpriżi, riċerki interessanti, esperimenti spettakolari, wirjiet, taħdidiet films u arti.

Il-Festival Annwali tax-Xjenza u l-Arti ser isir fil-Belt Valletta il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru mis-6p.m. sa nofs il-lejl

Diversi zoni madwar il-Belt se jinbidlu f’attrazzjoni spettakolari fosthom Bieb il-Belt, it-Teatru Rjal, Pjazza San Ġorġ, Triq l-Ordinanza, il-Kavalier ta’ San Ġakbu u Triq ir-Repubblika.

Għall-ewwel darba, il-Parlament il-ġdid se jkun qed jospita wirja dwar il-proġetti ta’ riċerka li għaddejjin bħalissa fl-Università ta’ Malta.

Attrazzjoni partikolari se tkun Pjazza San Ġorġ li se tinbidel f’Rosetta Satellite Space Mission, f’ġieħ il-missjoni spazjali li ġġib l-istess isem li matul is-sena li għaddiet din is-satellita rnexxielha ddur ma’ kometa.

Ix-Xjenza fil-Belt tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet madwar l-Ewropa magħrufa bħala European Researchers’ Night iffinanzjata mill-programm Marie Sklodowska-Curie tal-Unjoni Ewropea.