Internazzjonali

It-theddida ta’ tsunami fil-Mediterran

Analiżi ġdida fir-reġjun tal-Mediterran żvelat il-potenzjal ta’ ħalel kbar fil-Mediterran li jistgħu ‘jibilgħu’ ħafna destinazzjonijiet popolari mat-turisti. Hemm ukoll il-possibbiltà li tsunami ta’ dan it-tip ikun ta’ theddida għall-ħajja ta’ xi 130 miljun persuna li qed jgħixu fi nħawi mal-kosta.

Intant, ir-riċerkaturi li qed jinvestigaw l-impatt tat-terremoti lil hinn mill-kosta tal-Afrika lejn it-Tramuntana wettqu simulazzjoni tal-impatt tal-mewġ enormi (tsunami) li jistgħu jseħħu b’riżultat ta’ terremot.

Ir-riċerka żvelat li ħafna zoni tal-kosta jispiċċaw mgħarrqin f’każ li l-kosta lejn il-Lvant ta’ Sqallija fl-Italja u l-kosta fin-Nofsinhar ta’ Kreta fil-Greċja jintlaqtu minn terremot li jirreġistra 7.0 fuq l-Iskala Richter.

Fil-fatt, ir-riċerka dwar ir-reġjun tissuġġerixxi li wħud miz-zoni tal-kosta bl-akbar preżenza ta’ nies – u li huma destinazzjonijiet popolari ma’ dawk li jridu jgawdu l-btajjel tas-sajf – jintlaqtu minn mewġ kbir waqt sitwazzjoni bħal din.

Skont dan il-mudell ta’ studju hemm indikat ukoll li kważi 3.8 kilometri kwadri ta’ Kreta jintilfu fl-oċean f’każ ta’ tsunami potenzjali.

Għall-kuntrarju, f’sitwazzjoni bħal din, hu kkalkulat li jintilfu ‘biss’ l-ekwivalenti ta’ 0.5 kilometru kwadru mill-art tal-kosta fi Sqallija, minħabba l-irdumijiet għoljin fiz-zona.

Tsunami potenzjali għandu jkun diżastruż għall-gżejjer tal-Greċja, li huma frekwentati ferm mit-turisti. L-indikazzjonijiet huma li f’dan it-tip ta’ xenarju jintlaqtu ħażin ħafna l-artijiet tal-kosta ta’ Peloponnese.

Sadanittant, ir-riċerkaturi qed iwissu li filwaqt li tsunami fil-Mediterran hu rari, ħalel enormi bħal dawn, bħala fenomenu, huma disposti li jitqanqlu madwar darba f’seklu.

Madankollu, ir-riċerkaturi jgħidu li terremoti akbar jistgħu jikkaġunaw tsunami aktar devastanti. Dan bħal fil-każ tat-terremot li fis-sena 365 wara Kristu, kien laqat il-kosta ta’ Kreta u hu kkalkulat li laħaq livell ta’ bejn 8 u 8.5.

It-tsunami sussegwenti, dakinhar, kienu qerdu diversi bliet antiki fil-Greċja, l-Italja u l-Eġittu. B’konsegwenza ta’ dan, kienu tilfu ħajjithom mal-5,000 ruħ fl-inħawi ta’ Lixandra, fl-Eġittu biss.

Traġedja simili, bl-agħar konsegwenzi, kienet seħħet fi żminijiet aktar reċenti.
Dan meta fl-1908, terremot ta’ livell 7 kien laqat ir-reġjun ta’ Messina, fl-Italja, fejn ikkaġuna tsunami li qatel eluf ta’ nies. F’dawn iċ-ċirkostanzi, kien qam mewġ għoli mal-għaxar metri, li straxxna medda ta’ art mal-kosta.

Achilleas Samaras, inġinier li jispeċjalizza fid-dinamika tal-mewġ mal-Università ta’ Bologna, u awtur prinċipali tal-istudju, qal li hu u l-kollegi tiegħu riedu jsibu kif iz-zoni tal-kosta jkunu effettwati mit-tsunami f’reġjun tal-Mediterran li mhux talli hu l-aktar attiv minn aspett sismiku, talli għadda wkoll minn diversi każi ta’ tsunami fil-passat.

Agħfas il-link għad-dettalji tar-rapport