Wara t-twaqqif tal-Fondazzjoni ALS Malta u l-attività inawgurali Ice Bucket challenge x-xahar li għadda f’Ta’ Xbiex, il-Fondazzjoni għaqqdet il-forzi tagħha mal-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta (RIDT).
Fil-fatt, il-Fond tal-Università issa qed jikkollabora mal-Fondazzjoni ALS Malta, li twaqqfet mill-imprenditur ta’ 28 sena Bjorn Formosa li dan l-aħħar sar jaf li hu stess qed ibati mill-kundizzjoni ALS. Flimkien, dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet se jaħdmu biex jiżdiedu l-fondi għar-riċerka u għal iktar għarfien fuq din il-marda li taffetwa n-nervituri tal-moħħ u tas-sinsla tad-dahar.
Dr Ruben Cauchi, mid-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u Bijokimika fl-Università ta’ Malta li kien diġà qed jirriċerka dan is-suġġett, inħatar membru tal-bord tal-Fondazzjoni ALS Malta.
ALS hi taqsira għal Amyotrophic Lateral Sclerosis, magħrufa aħjar bħala motor neurone disease. Din hi marda speċifika li biha ċ-ċelloli tan-nervituri jibdew imutu u taffetwa l-muskoli tal-bniedem tant li l-individwu jibda jsibha diffiċli biex jitkellem jibla’ u eventwalment, anki biex jieħu nifs.
Fi stqarrija, Bjorn Formosa qal li ladarba m’hemmx kura għall-marda tal-ALS, din tista’ tiġi miġġielda biss billi niffukaw fuq ir-riċerka.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fond tar-Riċerka tal-Università Wilfred Kenely qal li minħabba li l-ALS hi marda rari, it-tim ta’ riċerkaturi jħabbat wiċċu ma’ sfidi partikolari u hemm iktar dipendenza fuq rizorsi finanzjarji.
Għal dan il-għan, kemm il-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta u l-Fondazzjoni ALS Malta qed jappellaw għall-ġenerożità tal-pubbliku. Wieħed jista’ jagħmel donazzjoni permezz tas-siti www.ridt.org/als jew www.alsmalta.org/donate jew b’ċekk lill-Fondazzjoni ALS Malta, 569 Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun.
//= $special ?>

