Lokali

Minflok jiffoka fuq dak li jolqot lill-familji, Muscat jivvinta fuq ħaddieħor – il-PN

Minflok jara dak li jolqot lill-familji, Joseph Muscat qed jagħżel li jivvinta fuq ħaddieħor bħalma meta vvinta li hemm qasma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Madankollu, din il-qasma teżisti biss f’moħħ Muscat.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, li fiha sostna li jkun aħjar jekk il-Prim Ministru jiffaċċja r-realtà li qed tolqot lill-familji, fosthom it-traffiku, is-saħħa u s-serq f’lokalitajiet sħaħ. Madankollu, l-uniċi soluzzjonijiet li kien kapaċi joħroġ bihom il-Gvern kienu tined barra l-Isptar għall-kjuwijiet, li t-traffiku jonqos billi t-tfal iqumu kmieni u li s-serq jonqos billi n-nies ma jsiefrux.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jkun aħjar ukoll jekk għal darba Muscat jerfa’ r-responsabbiltà bħala Prim Ministru u jieħu passi fuq il-korruzzjoni istituzzjonalizzata li qed tifni l-Gvern. Kompla li jekk il-Partit Laburista qed iħalli tant ħmieġ għaddej wara biss sentejn u nofs, wieħed jista’ biss jimmaġina x’jista jagħmel jekk jerġa’ jibraħ l-elezzjoni ġenerali.

Bil-politika tiegħu, Muscat qed jgħaqqad lil kulħadd kontra tiegħu, fost oħrajn dwar il-korruzzjoni, dwar l-ambjent, dwar is-saħħa, dwar it-traffiku u dwar is-serq, temmet tgħid l-istqarrija.