Il-burokrazija fi Transport Malta laħqet livelli li qatt ma rajna bħalhom, hekk kif Radio 101 hu nfurmat li l-Uffiċjali tal-Awtorità għadhom qed jevalwaw l-applikazzjonijiet ta’ persuni li applikaw biex jitilgħu għat-test tal-prattika f’Lulju li għadda.
Persuni li fl-aħħar jiem ċemplu lil Transport Malta, wara li baqgħu ma rċievew xejn dwar l-applikazzjoni tagħhom, ġew infurmati li min applika f’Awwissu se jibqa’ jistenna sa wara Ottubru biex jitla’ għat-test minħabba l-ammont ta’ applikazzjonijiet b’lura li baqgħalhom jaraw.
Aktar minhekk, jirriżulta li fit-triq qed joħorġu biss madwar tliet karozzi kull siegħa għat-testijiet, meta fil-passat kien ikun hemm madwar disgħa. Dan kollu qed iwassal għal rabja kbira, mhux biss għall-istudenti li jitgħallmu l-karozza u li qed jispiċċaw jidħlu fi spejjeż żejda.
Ħafna minn dawn applikaw biex jitilgħu għat-test f’Awwissu, bit-tama li jagħmluh qabel tibda l-iskola, iżda issa qed jistennew li jiġu approvati waqt is-sena skolastika. Konsegwenza ta’ dan, se jkollhom ifallu l-lezzjonijiet minħabba li t-testijiet isiru filgħodu.
Sadanittant, Radio 101 tkellem ukoll ma’ kumpaniji tat-tagħlim tas-sewqan, li spjegaw li f’xi każi qed idumu aktar minn xahar u nofs jistennew l-applikazzjoni, filwaqt li meta japplikaw, jistennew xi xahar ieħor biex ikollhom konferma li l-applikazzjoni hi korretta u ġiet approvata.
//= $special ?>
