Żewġ anzjani weġġgħu u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li, matul il-lejl li għadda, waqgħu minn xi għoli fir-residenzi tagħhom f’żewġ inċidenti separati.
Fl-ewwel każ, li seħħ għall-ħabta tal-10.55pm, anzjan ta’ 85 sena minn Santa Venera waqa’ minn għoli ta’ madwar sular fir-residenza tiegħu fi Triq ix-Xarretta wara li ħassu ma jiflaħx.
Fil-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-anzjan. Mal-wasla l-Isptar, hu kien iċċertifikat li kien fil-periklu li jitlef ħajtu.
Madankollu, fortunatament, fis-sigħat ta’ wara l-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-aħjar.
Fit-tieni każ, li seħħ għall-ħabta tal-3.40am, anzjana ta’ 70 sena mill-Mellieħa waqgħet minn għoli ta’ madwar sular u nofs mit-tieqa tar-residenza tagħha, fi Triq il-Miġbha.
Wara li ngħatat l-ewwel għajnuna medika fil-post, l-anzjana ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura. Hemm, hi kienet iċċertifikata li qed issofri minn feriti gravi, iżda mhux fil-periklu li titlef ħajjitha.
Il-Pulizija qed jinvestigaw iż-żewġ każijiet.
//= $special ?>

