Numru kbir ta’ klijenti tal-Bank of Valletta għamlu kuntatt ma’ dan is-sit jilmentaw dwar żieda qawwija ħabta u sabta fil-miżati tal-bank għas-servizz ta’ safe deposit boxes.
Is-safe deposit box hi servizz ta’ sigurtà offrut mill-banek lil klijenti li permezz tagħhom, ikunu jistgħu jiddepożitaw ġojjellerija jew oġġetti jew dokumenti ta’ valur f’sigurtà kbira bħalma hi fergħa ta’ bank.
Informazzjoni mill-website tal-Bank of Valletta tindika li l-prezzijiet tas-safe deposit boxes ivarjaw skond id-daqs, bl-inqas prezz ikun ta’ €35 kull sena għall-iżgħar kaxxa li, minn informazzjoni li għandna, hi fost l-iktar popolari mal-klijenti.
Iżda f’dawn l-aħħar jiem, klijenti tal-Bank of Valletta kienu maħsuda hekk kif saru jafu li l-miżata tas-safe deposit box tagħhom għoliet bi kważi erba’ darbiet.
Fil-fatt, il-klijenti kienu infurmati permezz ta’ ittra li s-servizz tal-iżgħar safe deposit box se jogħla minn €35 għal €120. Is-safe deposit boxes ta’ qisien ikbar ukoll għolew b’madwar l-istess ammont.
It-tariffa tibda tapplika meta l-klijent jagħżel li jġedded is-servizz.
Inevitabbli l-ilmenti tal-klijenti tal-Bank of Valletta li kkuntattjaw lil dan l-istazzjon, hekk kif għandhom friski f’moħħhom, il-pakkett ta’ irtirar ta’ iktar minn kwart ta’ miljun ewro lis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon bil-possibilta’ li jirritorna jaħdem fil-bank kif ukoll id-deċiżjonijiet dwar self lil Electrogas u lill-Air Malta li qajjmu diversi mistoqsijiet.
Uħud ikkummentaw li l-Bank qed isir galantom mal-kbir u tal-qalba u min-naħa l-oħra jisloħ lill-klijent iż-żgħir.
//= $special ?>

