Raġel ta’ 32 sena mill-Gżira jinsab fil-periklu tal-mewt wara li lbieraħ tard filgħaxija kien involut f’inċident tat-traffiku.
Għall-ħabta tal-10.15 tal-bieraħ filgħaxija l-Pulizija ġiet infurmata li fil-limiti ta’ Ħal Far, Birżebbuġa, kien seħħ inċident tat-traffiku.
Il-Pulizija tad-distrett marret minnufih fil-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Honda CBR, misjuq minn raġel ta’ 32 sena, residenti l-Gżira u vettura tat-tip Honda Civic, misjuqa minn ġuvni ta’ 23 sena, residenti n-Naxxar.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clark li ħatret diversi esperti biex jgħinuha fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>