Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex Joe Sammut jitqiegħed taħt att ta’ akkuża

Hemm biżżejjed provi biex l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut jiqiegħed taħt att ta’ akkuża dwar frodi u misappropjazzjoni ta’ flus. Hekk iddeċidiet il-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Doreen Clarke dwar l-avvountant ta’ 58 sena minn San Pawl il-Baħar, li jinsab akkużat ukoll li għen Libjani joħolqu kumpaniji f’pajjiżna biex jiksbu l-Permessi ta’ Residenza billi jużaw dokumenti foloz.

Fis-seduta tal-lum xehdu s-Supretendent Paul Vassallo u l-Ispettur Jonathan Ferris, li spjegaw u tkellmu dwar il-volumi ta’ dokumenti li ssekwestraw mill-uffiċċju tal-eks Teżorier Laburista. Spjegaw li l-investigazzjonijiet bdew meta kien innutat li 62 kumpanija differenti, irreġistrati minn Joe Sammut, kienu qed jużaw l-istess 14-il indirizz. Madankollu, irriżulta li l-ebda kumpanija minn dawn ma kienet qed tuża’ l-indirizz indikat.

Is-Supretendent Vassallo kompla jispjega li wħud mill-kumpaniji ddikjaraw kapital ta’ 100,000 ewro billi ppreżentaw invoices ta’ prodotti mixtrija minn kumpaniji Maltin. Fost oħrajn, tliet kumpaniji ddikjaraw li xtraw mediċini, filwaqt li kumpanija oħra ddikjarat li nxtara kontejner sħiħa ta’ tonn fil-bott. Madankollu, meta ċċekjaw id-dokumenti, raw li dawn kienu foloz.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Ferris qal li meta kienet qed issir it-tfittxija fl-uffiċċji ta’ Sammut, l-eks Teżorier tal-Partit Laburista beda jakkuża lill-Pulizija li qed jippruvaw ixekklu l-investiment dirett f’pajjiżna. L-Ispettur kien wieġbu li l-ebda investiment mhu jiġi mxekkel għax l-ebda kumpanija mhi taħdem minn pajjiżna.

Sadanittant, tliet impjegati ta’ Joe Sammut għażlu li ma jixhdux wara li l-maġistrat Clarke avżathom li għandhom id-dritt li ma jwieġbux minħabba li jistgħu jinkriminaw lilhom infushom.