Hemm bżonn ta’ aktar informazzjoni u konsultazzjoni dwar ir-ristrutturar propost fi ħdan il-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali (FSWS). Dan saħqitu l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) f’ittra indirizzata lill-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia b’reazzjoni għal seminar li sar u li kien organizzat mill-Ministeru ta’ Farrugia.
Il-UĦM sostniet li jeħtieġ li jkun assigurat li l-ebda ħaddiem fl-ebda professjoni jew grad m’għandu jitlef xejn mill-kundizzjonijiet li għandhom preżentament. Għal dan il-għan, il-UĦM qalet li tistenna li jiġi ffirmat addendum biex jikkonferma li f’każ li l-FSWS tkun xolta, il-ftehim kollettiv u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema preżenti jibqgħu jiġu rispettati.
Fid-dawl tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar ir-ristrutturar fl-FSWS, il-UĦM qed tisħaq ukoll li jibdew diskussjonijiet oħra dwar titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Fondazzjoni. Dan, tkompli tgħid il-UĦM, biex isir progress fl-istruttura professjonali tal-ħaddiema, kif wara kollox kien imwiegħed waqt is-seminar organizzat mill-Ministeru ta’ Michael Farrugia.
//= $special ?>

