Għawdex Lokali

Identifikati l-erba’ persuni wara s-serqa minn ġojjellerija f’Għawdex

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mas-serqa minn ħanut tad-deheb, li seħħet l-Erbgħa, 26 ta’ Awwissu fi Triq il-Palma fir-Rabat Għawdex, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-erba’ persuni li għamlu s-serqa.

F’dan il-każ insterqet ġojjellerija, bil-valur tas-serqa jitqies bħala wieħed konsiderevoli. Il-ħallelin daħlu fil-ħanut u talbu lill-impjegata turihom xi ġojjelli mill-vetrina. Hi refgħet id-deheb li kellha dak il-ħin u kompliet taqdi xi klijenti. Aktar tard, għall-ħabta tal-10.30am, indunat li l-ġojjelli li kienet refgħet aktar kmieni ma kienux hemm.

Min-naħa tagħha, fl-investigazzjonijiet tagħha, il-Puliziija analizzat filmati tas-CCTV u bdiet tfittxija għall-persuni li dehru jisirqu l-ġojjelli. Kien minn hawn li l-Pulizija rnexxielha tidentifika lill-erba’ persuni li għamlu s-serqa.

Minn stħarriġ li sar, irriżulta li l-persuni huma ta’ nazzjonalità Rumena u li bdew iż-żjara f’Għawdex fil-25 ta’ Awwissu, jum qabel wettqu s-serqa. Wara s-serqa, l-erba’ persuni telqu minn Għawdex b’dgħajsa u, wara li għaddew il-lejl Malta, qatgħu biljett tal-ajru u l-Ħamis, 27 ta’ Awissu ħallew pajjiżna. Jirriżulta wkoll li tnejn minnhom marru l-Italja, filwaqt li t-tnejn l-oħra telqu t-Turkija.

Għaldaqstant, il-Pulizija talbet biex jinħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali ħalli dawn il-persuni jiġu miżmuma u jintbagħtu lura Malta. B’hekk, ikunu jistgħu jittieħdu proċeduri kriminali kontra tagħhom.